Illum 18 ta’ Mejju, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex ltaqgħu mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci dwar il-Quddies fil-knejjes.


Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Il-laqgħa li kellna mal-Ministru tas-Saħħa u mas-Supretendent tas-Saħħa Prof. Charmaine Gauci kienet laqgħa pożittiva ħafna. Huwa proċess ta’ djalogu li beda f’Marzu u jkompli. Din id-darba aħna l-Isqfijiet iddiskutejna l-possibilità li fil-funerali tkun tista’ ssir il-quddiesa tal-funeral f’ambjent preferibbilment miftuħ. F’dawn il-ġranet li ġejjin, l-Awtoritajiet tal-Knisja u l-Awtoritajiet tas-Saħħa u tal-Ministeru tas-Saħħa se jkunu fi djalogu biex sa tmiem il-ġimgħa jkunu mħabbra l-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet neċessarji imma d-deċiżjoni hi li għall-funerali nipprovdu aħna wkoll il-quddiesa qabel id-difna.

Tliet ġimgħat oħra l-pjan huwa li aħna nerġgħu nkomplu d-djalogu biex imbagħad naraw il-fażijiet li jmiss dejjem bi spirtu ta’ attenzjoni kbira lejn is-saħħa tal-poplu tagħna. Allura l-kawtela hija neċessarja għaliex għandna kmandament li rridu nobduh – la toqtolx.

L-Ewkaristija, li hija l-għajn ta’ kull saħħa, ma tista’ qatt tkun okkażjoni li wieħed ikollu periklu għas-saħħa. Jiġifieri aħna qegħdin nappellaw għall-kawtela. Qed nappellaw ukoll biex kulħadd jikkoopera mal-awtoritajiet tas-saħħa u fl-istess ħin għandna l-pjaċir inħabbru li hemm djalogu pożittiv ħafna b’responsabbiltà kbira minn kulħadd u li għall-grazzja t’Alla qed naslu lejn il-mument fejn lill-għeżież tagħna li jħalluna nkunu nistgħu anke noffrulhom funerali bil-quddiesa praesente cadavere.