Is-Segretarjat tal-Lajċi tal-Knisja f’Malta f’kollaborazzjoni mad-Djoċesi ta’ Għawdex qed joffri l-verżjoni bil-Malti tal-ewwel Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku, Evangelii Gaudium (Il-Ferħ tal-Vanġelu). It-traduzzjoni ta’ dan id-dokument mit-test oriġinali Taljan saret wara xhur ta’ ħidma minn Francesco Pio Attard, bl-għajnuna ta’ Joe Farrugia u Vivienne Attard.
L-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium, maqsuma fuq ħames kapitli, hi meqjusa wieħed mill-aktar dokumenti importanti miktub minn Papa f’dawn l-aħħar snin, u fiha l-Papa Franġisku joffri dak li jista’ jissejjaħ il-programm tal-pontifikat tiegħu. Hu għalhekk li, minn kemm ilu li ħareġ f’Novembru li għadda, id-dokument qanqal interess qawwi mhux biss fil-Knisja imma anki fid-dinja sekulari. Bl-istil uniku u inċiżiv tiegħu, il-Papa Franġisku jistieden lill-Insara kollha biex fid-dawl tal-evanġelizzazzjoni ġdida, “imiddu pass ġdid ta’ evanġelizzazzjoni mmarkat mill-ferħ”, u joffri proposti ġodda għat-trasmissjoni tal-fidi fid-dinja tal-lum.
Dan id-dokument huwa aċċessibbli mis-sit elettroniku tas-Segretarjat tal-Lajċi www.laikos.org. Hemmhekk, wieħed jista’ jsib ukoll traduzzjonijiet għall-Malti tad-dokumenti tal-Maġisteru tal-Knisja u t-tagħlim tal-Papiet. L-istess sit fih ukoll għadd ta’ riżorsi oħra kateketiċi u liturġiċi bil-Malti.
Fil-ġimgħat li ġejjin, Il-Ferħ tal-Vanġelu ser tkun disponibbli wkoll fi ktieb stampat mid-Dar tal-Pubblikazzjonijiet Dumnikani Maltin.