Ir-rabtiet mill-qrib tax-xogħol tal-evanġelizzazzjoni u l-ħtieġa li jkunu solvuti l-qasmiet li għadhom jeżistu bejn l-insara, kienu jikkostitwixxu t-tema ċentrali tal-indirizz li l-Papa Benedittu XVI għamel lill-membri u konsulturi tal-Kunsill Pontifiċju għall-Għaqda Nisranija fl-okkażjoni tal-Assemblea Plenarja ddedikata lill-‘Importanza tal-ekumeniżmu fl-evanġelizzazzjoni l-ġdida’.
Il-Papa qal li wieħed ma jistax jimxi fit-triq ekumenika waqt li jinjora l-kriżi tal-fidi li qed tolqot partijiet kbar tad-dinja. Lanqas ma wieħed jista’ jinjora l-ħafna sinjali li jindikaw il-ħtieġa persistenti tal-ispirtwalita, li tiġi manifestata b’ħafna modi. Il-faqar spiritwali hu ta’ sfida għall-insara kollha”.
F’dan il-kuntest, kompla l-Papa, “aħna li nemmnu fi Kristu, imsejħa nirritornaw għall-essenzjali, għall-qalba tal-fidi, nagħtu xiehda ta’ Alla ħaj fid-dinja. Ma rridux ninsew li l-fidi f’Alla, manifestata f’Ġesu Kristu, tgħaqqadna u tqaddisna. Hi l-istess fidi li rċevejna fil-magħmudija, u hi l-fidi li fit-tama u fl-imħabba aħna lkoll nipprofessaw”.
Kien f’dan l-ispirtu li l-Kap tal-Knisja Kattolika spjega l-ħtieġa tal-ekumenizmu bħala għaqda fejn hemm il-firdiet bejn l-insara. Qal li hawn trid issir iktar ħidma li tintrabat ukoll ma’ dik t’evanġelizzazzjoni.