Matul il-messaġġ li għadda mill-Palazz Appostoliku ta’ Castelgandolfo, il-Papa Benedittu XVI rrifletta fuq il-qari mill-Vanġelu ta’ San Mark li jirrakkonta kif raġel li ma kienx parti mill-grupp tad-dixxipli keċċa x-xjaten f’ismU, u San Ġwann l-Appostlu ried iwaqqfu, u Ġesu żammu. Dan “waqt li ħa l-okkażjoni jgħallem lid-dixxipli tiegħu li Alla jista’ jasal għal dak li hu tajjeb u li f’għajnejn il-bniedem hu mirakoluż, anki barra miċ-ċirku. Qal li kull individwu jista’ jikkopera mas-Saltna t’Alla u b’diversi modi”.
“Għalhekk, membri tal-Knisja m’għandhomx ikunu għajjura, imma għandhom jifirħu jekk xi ħadd li mhux parti mill-komunita tagħhom, jagħmel il-ġid f’isem Kristu, basta dak li jsir isir b’intenzjoni retta u rispett. Anki fi ħdan il-Knisja, jista’ jiġri li dak li jkun isibha bi tqila biex japprezza u jagħraf fi spirtu ta’ komunjoni il-ġid li jkun qed isir minn elementi ekkleżjali differenti. U lkoll kemm aħna għandna napprezzaw u nirrispettaw lil xulxin, b’tifħir lil Alla għall-‘immaġinazzjoni infinita’ li biha jaġixxi fi ħdan il-Knisja u fid-dinja”.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika dawwar imbagħad ħarstu lejn l-ittra ta’ San Ġakbu li hi kategorika “kontra l-għonja diżonesti li jpoġġu t-tama tagħhom fir-rikkezzi li jkunu akkumulaw minn prattiċi diżonesti. Il-Papa għalaq billi eżorta li l-kliem ta’ San Ġakbu, waqt li jwissi kontra x-xewqat ħżiena għall-għana materjali, hu wkoll sejħa qawwija sabiex wieħed juża l-għana tiegħu b’solidarjeta ma’ min hu fil-bżonn u għall-ġid komuni, waqt li kull individwu jaġixxi b’ġustizzja u b’sens ta’ moralita f’kull livell”.