Il-Papa Benedittu XVI qal li l-Ispirtu s-Santu, ċċelebrata fil-festa ta’ Pentekoste, timla lill-univers u tkebbes l-għaqda bejn il-pajjiżi. Qabel it-talba tal-Angelus fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa rrifletta dwar ir-rwol tat-tielet Persuna tat-Trinita Mqaddsa.
Żied li Pentekoste hija l-milja tal-misteru Paskali, tfakkar “l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli, li kienu miġbura ma’ Marija, omm Ġesu, u dixxipli oħra. Dik kienet il-Magħmudija tal-Knisja, il-Magħmudija tal-Ispirtu s-Santu”.
“Il-vuċi ta’ Alla iddivinizzat l-ilsien uman tal-appostli, li mill-ħin li niżel fuqhom l-Ispirtu, setgħu jipproklamaw il-Kelma t’Alla. Il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu timla l-univers, tiġġenera iktar fidi, iġġib magħha l-ispirtu tal-verita u tkebbes l-għaqda bejn il-pajjiżi differenti”, kompla l-Papa.
Il-Kap tal-Kattoliċi saħaq dwar il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu “li jqaddes, li jġib fix-xejn il-firdiet u li jsolvi l-konfużjoni li jġib miegħu d-dnub”.
Kompla jispjega li l-Ispirtu s-Santu “jgħin lill-bniedem sabiex jaġixxi f’konformita ma’ dak li hutajjeb; idawwal lill-bniedem u jagħti sens lit-talb tiegħu; jagħti qawwa lill-missjoni evanġelika; jispira l-arti nisranija u l-melodija liturġika”.
Qal li “huwa l-Ispirtu s-Santu li jnissel fina l-fidi fil-mument tal-magħmudija tagħna, li tippermettilna nikbru bħala Ulied Alla, ngħixu nagħtu xhieda lil Alla”.
Fl-aħħar u mhux l-inqas il-Papa fada lill-Knisja taħt il-ħarsien tal-Madonna, tempju tal-Ispirtu s-Santu, sabiex timxi kif dejjem xtaq Kristu, skont il-Kelma tiegħu,skont il-Kmandamenti; immexxija mill-Ispirtu Paraklitu.