Evangelisation

Il-Papa Benedittu XVI saħaq fuq l-importanza tal-għaqda nisranija għas-suċċess tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida. Huwa tkellem dwar iż-żewġ prioritajiet tiegħu f’ittra indirizzata lill-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda Nisranija, il-Kardinal Kurt Koch. L-ittra ntbagħtet fl-okkażjoni tat-12-il Simposju Inter-Nisrani, promoss mill-Istitut Franġiskan tal-Ispiritwalita fl-Athenaeum Antonianum u mill-Fakulta Teoloġika Ortodossa fl-Universita Aristotle f’Tessaloniki.

Is-simposju t’erbat ijiem iffoka fuq it-tema “Ix-xiehda tal-Knisja fid-dinja moderna”.Meta fakkar fit-twaqqif tal-Kunsill Pontifiċju għall-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida, Benedittu XVI qalli t-tema li kienet qed tiġi diskussa “kienet ta’ importanza liema bħalha, li kienet ukoll fiċ-ċentru tal-ħsieb u tat-talb” tiegħu.

“Tul il-mixja tagħha matul is-sekli, il-Knisja ma naqsitx milli tipproklama l-misteru salviviku tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu. Illum din l-istess proklamazzjoni teħtieġ enerġija mġedda f’ħafna reġjuni li kienu minn tal-bidu li bdew jirċievu d-dawl u li llum qed jesperjenzaw l-effetti tas-sekularizzazzjonili kapaċi twassal lill-bniedem f’sura ġdida ta’ faqar”.

Il-Papa kompla jgħid li d-dinja moderna hija kkaratterizzata minn żewġ fenomeni kontradittorji. Semma l-aljenazzjoni u l-insensittivita lejn it-traxxendenti u anki l-element ta’ nostalġija u x-xenqa għal Alla,li f’ħafna nies jirriżulta lit kun fjamma li reġgħet bdiet tkebbes f’termini ta’ tiftix ġenwin”.

“Il-Knisja Kattolika u dik Ortodossa jaqsmu l-istess kuntest ekonomiku u kulturali u allura anki l-istess sfidi”, fakkar il-Papa. Hawn ma naqasx milli jirreferi għas-Simposju u l-konsegwenzi ekumeniċi tiegħu, għax qal li d-diskussjonijiet żgur li jservu ta’ proċess li jikkjarifika problemi komuni.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika temm jafferma l-importanza tal-isforzi ekumeniċi għall-kawża tal-evanġelizzazzjoni billi silet mill-kitba ta’ Papa Pawlu VI li fost affarijiet oħra kien stqarr li “d-destin tal-evanġelizzazzjoni hu ċertament marbut max-xiehda ta’ għaqda li tagħti l-Knisja – sens qawwi ta’ responsabbilta pero anki ta’ komfort”.