-
-
Fil-Quddiesa għal Art Twelidna, fl-inawgurazzjoni tal-President il-ġdid ta’ Malta Dr George Vella, l-Arċisqof Charles J. Scicluna qal: “Il‑figura tal‑President tar‑Repubblika hija mogħtija lilna u aħna bi pjaċir nilqgħuha bħala sinjal tal‑għaqda ta’ bejnietna u tas‑sejħa tagħna li nkunu demokrazija bbażata fuq l‑għażla kontinwa tas‑sewwa u l‑għatx u l‑ġuħ għall‑ġustizzja.”
Fid-diskors inawgurali, il-President George Vella wkoll tkellem dwar l-għaqda nazzjonali. Huwa wiegħed li matul il-Presidenza tiegħu se jagħti importanza assoluta u jaħdem bis-sħiħ biex f’pajjiżna tissaħħaħ l-għaqda nazzjonali. “Din l-għaqda ma tiġix biss bix-xewqa. Irridu naħdmu għaliha. Filwaqt li għandu jibqa’ d-dritt għal opinjonijiet differenti u diverġenti, irid ikollna rispett reċiproku ġenwin. Irid ikollna djalogu matur u diskussjonijiet li jsiru b’mod dinjituż, li juru mġiba ċivika u korretta u li fuq kollox qatt ma jwasslu għal attakki personali.”
Il-Knisja f’Malta tawgura lill-President Vella u twiegħdu t-talb tagħha f’din il-missjoni.