Għadhom għaddejjin l-isforzi fil-ħidma ta’ salvataġġ biex jinstabu l-21 persuna li għadhom rrappurtati nieqsa wara t-traġedja tal-vapur tal-passiġġieri Costa Concordia li nkalja u għereq ftit metri bogħod mill-gżira ta’ Giglio fl-Italja. Hekk kif dil-ħidma għadha fl-aqwa tagħha, għajnejn il-ħafna qraba jinsabu ffukati fuq l-għeżież tagħhom li għadhom ma nstabux, waqt li fuq fomm kulħadd il-ħafna rapporti fil-media dwar kif l-ekwipaġġ tal-vapur ġab ruħu fis-sitwazzjoni.
Lil hinn mir-rappurtaġġ tal-inċident, wieħed importanti li ma jneħħix minn quddiem għajnejh il-ħafna nies li qed jagħtu sehemhom fil-ħidma ta’ salvataġġ u ta’ għajnuna. Fost dawn il-ħafna nsara li qed iwettqu l-ministeru tal-Knisja max-xatt f’Giglio. Ma’ dawn, il-Kappillan li kien abbord l-istess vapur waqt it-traġitt traġiku tiegħu – Fr Raffaele Malena, li ta l-ewwel għajnuna, mhux biss fiżika, imma ta’ appoġġ u solidarjeta anki spiritwali abbord. Saċerdot ieħor, Fr Lorenzo Pasquotti, li jservi f’Giglio – li ta għajnuna lil dawk li ttellgħu salvi fuq il-gżira. Ma’ dawn Fr Giacomo Martino, Direttur tal-Ministeru Marittimu fi ħdan il-Knisja fl-Italja – li ikkordina l-ħidma ta’ għajnuna.
Fl-inċident, kien irrappurtat li l-Kappillan abbord għamel kuntatt mal-Appostolatura fuq il-Baħar u wera l-intenzjoni tiegħu li jibqa’ abbord jassisti lill-passiġġieri li “kienu jeħtieġu kliem ta’ komfort f’mument ta’ daqstant konfużjoni”. Meta ta l-kummenti lil Radju Vatikan, huwa kellu kliem ta’ tifħir għall-mod kif aġixxa l-ekwipaġġ mal-passiġġiera, għall-kuntrarju tal-impressjoni li setgħet ingħatat mill-mezzi tal-media. Fi kliemu, “il-problmea kienet tikkonsisti fil-paniku kbir fost il-passiġġieri abbord. Kien hemm ħafna tfal. Niftakar li kien hemm tifla żgħira li ħaddantha miegħi u tlabt biex tingħata preċedenza biex tinżel flimkien m’ommha fuq id-dgħajsa ta’ salvataġġ”.
Fr Melena ukoll esprima kliem ta’ tifħir, din id-darba għaall-abitanti u r-residenti fil-gżira ta’ Giglio.
“Kollha offrew daqqa t’id. Fetħu l-bibien tagħhom u laqgħu lin-nies, offrewlhom x’jieklu u tawhom kull ma kienu jeħtieġu”
L-aġenzija tal-aħbarijiet reliġjużi Zenit tkellmet mad-Direttur tal-Ministeru Marittimu, Fr Martino, dwar it-traġedja. Huwa qal li “mhux ġust ċertu diskors li qed jingħad fil-media dwar allegata inkompetenza tal-membri tal-ekwipaġġ. Simulazzjonijiet f’każi ta’ emerġenza isiru ta’ kull ġimgħa fuq il-vapur, pero hemm differenza kbira għal meta vapur verament ikun qed jegħreq”. Għalaq billi ddeskriva l-irwol tal-Kappillan abbord fuq il-vapur. “Jaġixxi bħala bniedem t’Alla, mingħajr ebda distinzjoni bejn passiġġieri u membri tal-ekwipaġġ, anki jekk xogħlu jaqa’ fis-settur tat-tmexxija. Anki dawn, jiddependu ħafna fuq il-preżenza tal-Kappillan, anki jekk ikunu ta’ denominazzjoni differenti ta’ fidi”.