L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fl-Evanġelju tal-lum, fil-kapitlu 6 ta’ San Mark, ninnutaw li Ġesù jiddeċiedi li l-missjoni tiegħu, jafdaha lit-tnax-il dixxiplu tiegħu u “jibgħathom tnejn tnejn” (Mk 6:7). Ħafna qaddisin jieqfu fuq din l-espressjoni. Ma bagħathomx weħidhom imma jibgħathom tnejn tnejn. Donnu x-xhieda li rridu nagħtu hi qabelxejn ix-xhieda tal-kapaċità li naħdmu flimkien. Kultant il-ħajja ġġagħlna ngħidu: ‘isma’, aħjar nagħmilha waħdi din għax nagħmilha malajr u nagħmilha aħjar; imma biex tiftiehem ma’ ħaddieħor u biex issir, indumu iżjed’. Taqla’ fwiedek kultant. L-għażla ta’ Ġesù mhix għażla rħisa. Qed jgħallimna li fil-missjoni li jafdalna, qabelxejn ibda minna s-saċerdoti u l-isqfijiet, irridu nitgħallmu naħdmu f’tim, imqar f’tim ċkejken ta’ tnejn. Wara kollox l-ewwel tim li għażel, kienu ta’ tnax; tlieta minn dawn kienu iżjed intimi miegħu, li raw it-trasfigurazzjoni, rawh ukoll fl-agonija tal-Ort tal-Ġetsemani, rawh ifejjaq lit-tifla ta’ Ġajru; kif smajna ftit tal-Ħdud ilu.

X’parir jagħti Ġesù lid-dixxipli tiegħu, b’mod konkrett ħafna? L-ewwel nett li ma jafdawx, la fil-kapaċitajiet tagħhom għalkemm huma importanti, u lanqas fil-kapaċitajiet materjali tagħhom. Iridu jibdew il-vjaġġ. Għandhom setgħa kbira fuq l-ispirti ħżiena u s-setgħa mhux ġejja minnhom imma mill-Mulej li qed jibgħathom fid-dinja. U allura jinsisti, li m’għandhomx jippreokkupaw ruħhom bl-affarijiet tad-dinja, għalkemm huma utli; imma jridu jitgħallmu jafdaw fih. Din ukoll hi lezzjoni li diffiċli li nitgħallmuha. Aħna ħafna drabi, anke meta nippjanaw għall-Knisja u x-xogħol pastorali, nagħmlu ħafna pjanijiet. Il-Papa kultant iwissina fuqha din, u ninsew qabelxejn, nieqfu u nitolbu, biex il-Mulej ikun is-sid ta’ kulma nagħmlu. U tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: dak kollu li nagħmlu, għal min qed nagħmluh? Għax mibgħutin minn Alla, jew biex nidher u nkun sabiħ? Ta min nistaqsu lilna nfusna din.

Ġesù, wkoll iwissi lid-dixxipli tiegħu, li mhux kulħadd se jilqagħhom. Se jkun hemm min jilqagħhom u min ma jilqagħhomx. Din hi lezzjoni wkoll li tajjeb niftakruha. Aħna nagħtu xhieda tagħna, inħabbru l-kelma tagħna, imma Ġesù stess ippreparana għall-mument ta’ rifjut: “jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom” (Mk 6:11). U din tagħmlilna ħafna kuraġġ. Kultant nilmentaw li mhux kulħadd isegwi lil Kristu. Storja antika din, minn żmien Kristu stess. Ejjew biss niftakru, x’sar u x’ġara fil-Ġimgħa l-Kbira. Ir-risposta tal-Mulej, tkun dejjem risposta ta’ mħabba, risposta li tagħti l-paċi. Għalhekk il-messaġġ li jafda lid-dixxipli tiegħu u lilna hu messaġġ ta’ setgħa fuq il-ħażen u ta’ ndiema.

Tgħiduli, imma din l-indiema x’inhi? Ejjew nisimgħu lill-Missierna San Pawl: “Għażilna fih, san minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Ef 1:4). Is-sejħa għall-indiema, ma għandhiex tagħmlek qalbek sewda: ‘ġejja l-penitenza, ġejja t-tbatija’. Aħseb li hi sejħa għall-imħabba għax il-Mulej meta jistiednek tindem, qed joħorġok mill-egoiżmu, mill-vizzju, minn dak kollu li jkissrek, minn dak kollu li mingħalik se jagħmlek ferħan, u jagħmlek iżjed qalbek sewda; qed joħorġok mill-iskjavitù u jpoġġik, fil-grazzja u l-ħniena tiegħu, fil-post tal-vera libertà, tal-imħabba vera, tal-altruwiżmu, tal-ġenerożità. Kemm hi sabiħa l-indiema, meta nifhmu li nibdel il-mod kif nara d-dinja u l-oħrajn, u noħroġ mill-post tad-dlam għall-post tad-dawl.

“Keċċew bosta xjaten” (Mk 6:13). Ix-xitan hu l-giddieb, il-qattiel, dak li jġib il-firda. In-Nisrani jissieħeb ma’ Ġesù li jġib l-għaqda, u li hu sid il-ħajja u l-verità. Kollox bil-maqlub. Ejjew nagħżlu lil Ġesù, l-aħwa. U nifhmu li bil-qawwa li tana, kapaċi nirbħu dak kollu li fina jgħajjat firda, vendetta, għira, mibegħda, pika, dak kollu li jgħajjat negattività. Għax din hi l-indiema, dan hu l-ħelsien ukoll mill-qawwa tax-xitan fuqna.

L-aħħar kelma hu li ninnutaw li Ġesù jafda l-qawwa tiegħu lid-dixxipli u jagħtihom li jużaw sinjali ta’ din il-qawwa: “Dilku ħafna morda biż-żejt u fejquhom” (Mk 6:13). Xi ħaġa li anke l-appostlu Ġakbu jsemmi fl-ittra tiegħu. Hu l-bidu ta’ dan is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda, li hu għażiż ħafna. Nixtieq ngħid kelma u nieqaf biha llum.

Ejjew napprezzaw is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda. Meta s-saċerdot joffrilek id-dilka tal-Morda, tgħidlux le. Ikun hemm min jgħidlu: ‘isma’ Dun, lil ommi tagħmlilhiex il-griżma, għax dak ifisser li se tmut’. Aħna lkoll se mmutu anke jekk m’aħniex mgħaġġlin. Nispera li bħali intom, m’intomx mgħaġġlin. Imma jekk ikollna din id-dilka li tagħtina l-qawwa, u għandha wkoll is-setgħa li taħfer id-dnubiet; u għalhekk id-dilka jagħmilha biss is-saċerdot għax is-sagrament tal-griżma tal-morda jaħfer id-dnubiet u jagħti l-qawwa fuq il-mard, b’mod speċjali l-mard spiritwali.

Meta s-sagrament [tad-dilka tal-morda] niċċelebrawh f’sensina, iħalli frott kbir.

Meta jkollna xi ħadd għażiż li jidħol l-isptar, lil tas-sala, jew il-pazjent jew il-qraba tiegħu, għidulhom: il-mamà, l-papà, ħija, anke jekk inti stess tkun l-isptar, għid: jiena nixtieq is-servizz tas-saċerdot; għax dan iż-żmien irridu nagħżluh aħna.

Importanti din, li ngħiduha lil xulxin, meta tidħol l-isptar, inti trid titlob is-servizz tas-saċerdoti bravi tagħna. Jiena nsellmilhom minn hawn. Fl-isptarijiet kollha tagħna, għandna saċerdoti djoċesani u reliġjużi; tnejn mill-aħwa Franġiskani jieħdu ħsieb anke l-morda tagħna f’Londra. Qegħdin għas-servizz tal-komunità; imma rridu nitolbu aħna għas-servizz tas-saċerdoti. U meta s-saċerdot jgħidlek: ‘ħa nagħmlulha d-dilka tal-morda lill-mamà,’ tgħidx: ‘ara ħa tmut ommi!’ Se tmut żgur, m’aħniex hawn għal dejjem. Imma m’għandniex għalfejn jaqbadna l-paniku għax meta s-sagrament niċċelebrawh f’sensina, iħalli frott kbir.

Ara kemm hu kbir dan is-sagrament: jaħfirlek id-dnubiet mingħajr bżonn li tistqarrhom. Ovvjament nawguralek li tfiq, imbagħad tmur tgħidhom u tqerr, eh! Imma jekk tiġi f’mument li ma tistax iżjed tqerr, inti bid-dilka tal-morda, dnubietek ikunu kollha maħfura. Ara kemm hu kbir u qawwi dan is-sagrament.

Nirringrazzjaw lill-Mulej, li permezz tas-sagramenti, ta’ dawn is-sinjali, hu sid il-ħajja u rebbieħ fuq il-mewt.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Għam 7:12-15
Salm: 84 (85):9-14
Qari II: Ef 1:3-14
L-Evanġelju: Mk 6:7-13

Aktar ritratti