-
-
It-Tnejn, 26 ta’ Ġunju 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ordna seba’ djakni ġodda, żewġ seminaristi (Anton D’Amato u Bernard Micallef) u ħames reliġjużi (Alan Joseph Adami, Jethro Bajada, Kenneth Micallef, Kurt Mizzi u Elmar Pace).
-
Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fuq YouTube
-
-
L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
26 ta’ Ġunju 2017
“Tassew, tassew ngħidilkom, l-ilsir mhuwiex aqwa minn sidu, anqas il-messaġġier mhu aqwa minn min jibagħtu. Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, ħenjin intom jekk tagħmluhom” (Ġw 13, 16-17). Diversi drabi fl-Evanġelju, il-Mulej isejjaħ kategoriji ta’ dixxipli bħala ħenjin: “ħenjin l-imnikta, ħenjin l-ippersegwitati, ħenjin dawk ta’ qalbhom safja, ħenjin dawk li jġibu l-paċi, ħenjin dawk li ma rawx u emmnu”.
Waħda minn dawn il-beatitudnijiet li hu lissen awlillejl qabel ma bata, hija dik li għadna kemm smajna: “ħenjin intom jekk tagħmlu l-ħwejjeġ li għallimtkom illejla” (ara v.17). U x’kien għallimhom il-Mulej? Il-Mulej kien għallimhom kif, għalkemm isejħulek Mulej u Imgħallem, inti tkun tista’ b’sens ta’ realiżmu kbir, taħsel riġlejn sħabek. “Tafu x’għamiltilkom. Intom issejħuli ‘l-Imgħallem’ u ‘l-Mulej’, u tgħidu sewwa għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom hekk ukoll intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (vv 12-14).
Hu jsemmi l-ilsir, għax dan kienet mansjoni, kienet rwol tal-qaddejja, ġeneralemnt ilsiera, fil-kultura ta’ żmien Ġesù, li meta kien jidħol mistieden, kienu jaħslulu saqajh li ġejjin mit-triq. Jiena xortija tajba li meta naħsel ir-riġlejn f’Ħamis ix-Xirka, ikunu huma li jgħorkuhom qabel jiġu l-katidral, imma intom tridu tirriflettu l-fatt li dan ir-rit tal-ħasil tar-riġlejn, kienet xi ħaġa tassew ta’ umiltà kbira għax dak li jkun, kien qed jipparteċipa ma’ dak kollu, mat-trabijiet, il-ħmieġ, it-tajn, li jkun waħal mas-saqajn u mal-qorq fit-toroq tal-ħajja.
B’xi mod mhuwiex biss ġest ta’ mħabba lejn il-mistieden li jsir proxxmu għax daħal id-dar, imma huwa wkoll parteċipazzjoni mill-pellegrinaġġ tiegħu u inti taħsillu saqajh biex ikun jista’ jidħol f’intimità mal-aħwa. U dan ir-rit mhuwiex biss ta’ iġene, imma huwa wkoll ta’ purifikazzjoni u ta’ solidarjetà.
“L-ilsir mhuwiex aqwa minn sidu” (v. 16). Qed isejjħilhom ilsiera, qed isejħilhom ukoll messaġġiera. Il-kelma “lsir” qatt ma kienet kelma sabiħa għax il-jasar ma jogħġob lil ħadd. Li inti ċċedi r-rieda tiegħek għal ħaddieħor mhijiex l-ewwel istint li jiġi fil-qalb u fil-moħħ tagħna. L-ilsir huwa għal kollox dipendenti mis-sejħa ta’ sidu. Anke l-messaġġier, b’mod speċjali fil-kultura ta’ żmien Ġesù, ma kellu l-ebda awtorità iżid mal-messaġġ li jiġi afdat lilu. Kienet kultura fejn min irid iwassal messaġġ, iqabbad lil xi ħadd u bi ftit kliem li jrid jiġi ripetut b’fedeltà kbira mingħajr interpretazzjoni, tnaqqis, jew żieda, ikun jista’ jwasslu lil ħaddieħor.
L-għażla tagħkom, għeżież kandidati għad-djakonat, hija kontra l-kurrent.
Dawn iż-żewġ titli li huma titli li jirrestrinġu l-bniedem għax l-ilsir se jagħmel dak li jgħidlu sidu, il-messaġġier se jgħid dak li qallu jgħid min batu. Huma paradossali għall-kultura tal-lum. Aħna qegħdin nibnu kultura fejn il-bniedem jiddeċiedi jekk hux mara jew raġel. Aħna qegħdin nibnu kultura fejn iż-żwieġ mhux kif ħalqu Alla, imma kif ħlaqnieh aħna bil-ftietaq ta’ moħħna f’isem l-ugwaljanza. Aħna qegħdin ngħixu f’kultura fejn reġa’ refa’ rasu b’mod qawwi s-serp antik li dejjem jibqa’ jgħajjat: “jien ma rridx naqdi. Jien ma rridx nobdi, non serviam”.
Allura l-għażla tagħkom, għeżież kandidati għad-djakonat, hija kontra l-kurrent. Il-Mulej la jsejħilkom għall-awto-determinazzjoni, anzi qed jistedinkom għad-dipendenza totali fuq is-superjuri tagħkom. Jiena nitlobkom f’isem l-ubbidjenza reliġjuża għal min hu reliġjuż, u f’isem l-ubbidjenza lili u lis-suċċessuri tiegħi għad-djoċesani, biex din il-kelma ta’ Ġesù teħduha bis-serjetà. L-ubbidjenza li qed turu llum mhijiex kelma sabiħa tal-okkażjoni, imma impenn li inti tilqa’ l-istedina ta’ Ġesù, li ħa l-forma ta’ lsir biex ikun ta’ salvazzjoni għalina. Hu li kien daqs Alla “ma qagħadx iqis tiegħu dak li kien ta’ Alla, imma tneżża’ minn kollox, ħa s-sura ta’ lsir […] sar bniedem ubbidjenti, ubbidjenti sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib (ara Fil 2, 6-8).
Dak li ħasel riġlejn id-dixxipli kien jaf x’se jiġri minnu fil-Ġimgħa l-Kbira, kien jaf li l-ubbidjenza tiegħu fl-ort tal-Ġetsemani kellha tiswilu l-mewt fuq is-salib u d-djakonat tagħkom irid ikun ukoll espressjoni ta’ din id-disponibiltà, kif ikun ukoll id-disponibbiltà li intom ma twasslux il-messaġġ tagħkom, imma l-messaġġ ta’ Ġesù, “il-messaġġier mhuwiex aqwa minn min jibagħtu” (Ġw 13, 16). U għalhekk dawn iż-żewġ titli li llum ma jiftehmux, ifissru sew il-ministeru tagħkom. Intom qaddejja biex taħslu riġlejn il-qaddisin u intom messaġġiera biex twasslu l-kelma tiegħu.
Intom tkunu garanzija li s-servizz tagħkom ikun għal kulħadd mingħajr ma tħarsu lejn il-wiċċ, lejn il-but, lejn il-kulur, lejn il-lingwa, u lejn l-beda konsiderazzjoni.
Fit-Tieni Qari (Atti 6, 1-7) smajna l-għażla tal-ewwel seba’ djakni. Ir-rwol tagħhom kien differenti minn tagħkom, imma ntagħżlu f’kuntest ta’ nkwiet. Għaliex il-Knisja minn dejjem kienet imżejna bl-inkwiet u tibqa’ hekk għal dejjem. Kien hemm l-għira bejn il-Lhud-Insara dawn bħalna, L-Insara Lhud u l-Insara Griegi. Bħal dejjem, daħlu l-preferenzi u l-Lhud-Insara li kienu qed iqassmu l-ikel lir-romol, bdew jittraskuraw lir-romol Griegi u qamet rewwixta, bħalma jiġri llum ukoll. L-appostli qalu “rridu nagħmlu xi ħaġa”. U għalhekk tinnutaw li għażlu seba’ rġiel – veru jissejħu mimlijin bl-għerf u bl-Ispirtu s-Santu – imma nnutaw li s-seba’ ismijiet huma kollha ismjiet Griegi għax qalu “aħna rridu sebat irġiel li se jieħdu ħsieb ir-romol Griegi u allura jridu jkunu mhux biss jafuhom imma jagħtu garanzija ta’ fairness.
B’xi mod dan is-servizz huwa wkoll parti mill-ministeru tagħkom: li intom tkunu garanzija li s-servizz tagħkom ikun għal kulħadd mingħajr ma tħarsu lejn il-wiċċ, lejn il-but, lejn il-kulur, lejn il-lingwa, u lejn l-beda konsiderazzjoni. Il-ministeru tagħkom, bħala djakni, irid ikun garanzija tal-imħabba ta’ Ġesù, li hija mħabba universali. Iċ-ċelibat li ħaddantu u l-vot tal-kastità għal min hu reliġjuż, huma espressjoni ta’ din l-imħabba universali. Mhijiex iċ-ċaħda tal-imħabba imma d-disponibbiltà li tħobbu lil kulħadd. Imma ftakru li s-seba’ djakni ġew introdotti fil-Knisja biex fil-Knisja kulħadd iħossu ċittadin u garantit li jirċievi l-karità tal-Knisja, l-imħabba tal-Knisja, hu min hu.
L-apppostli għamlu għażla li hija l-għażla tagħkom ukoll. Ma jistax ikun inħallu t-talb u l-kelma ta’ Alla. Intom ukoll imsejħin biex l-għażla tal-appostli tagħmluha tagħkom sa mill-ewwel mument li tidħlu fl-Ordi Sagri. Illum infetħilkom il-bieb tal-Ordni Sagri li fih tliet tarġiet. Ma nafx min minnkom se jsir isqof, nawguralkom li ssiru kollha presbiteri u nerġgħu nifirħu bikom is-sena d-dieħla. Imma intom u tidħlu fl-Ordni – mhux fis-saċerdożju, dak mal-presbiterat – fl-Ordni Sagri, intom tridu tagħmlu minn issa l-għażla li għamlu l-ewwel appostli: li intom tkunu mehdijin fix-xandir tal-kelma t’Alla u fit-talb. Il-konsenja li tagħtikom il-Knisja llejla hija l-kelma t’Alla u tagħtikom ir-responsabbiltà kbira li tgħixuha u tagħtikom ir-responsabbiltà kbira li l-ewwel, qabel ma tħabbruha bl-ilsiem u bil-fomm, tħabbruha bil-ħajja tagħkom.
Aħna nitolbu għalikom biex dan il-ministeru li qed jingħatalkom, dan l-Ordni li se tidħlu fih biex tkunu ta’ qadi għall-Knisja b’mod speċjali għall-isqof, ikunilkom ta’ barka. Intom barka għall-Knisja. Jalla l-Knisja, minkejja l-inkwiet li jkun fiha, minkejja t-trabijiet u t-tajn li nġibu magħna qabel il-Mulej jaħslilna saqajna, tkun għalikom barka, tkun għalikom ħelsien, tkun għalikom kelma ta’ tifħir. “Ruħna tixxennaq għall-Mulej, hu l-għajnuna u t-tarka tagħna […] Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna kif fik hi t-tama tagħna” (S 32, 20.22). Ftakru dan il-vers mis-Salm tal-lum. “Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna kif fik hi t-tama tagħna”.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja