L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Iż-żewġ xhieda tal-qabar vojt ma kinux xhieda kwalunkwe. Marija ta’ Magdala, wara li filgħodu kmieni, kif kien għadu d-dlam “ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù” (Ġw 20:1-2). Pietru u Ġwanni: dawn huma tnejn mit-tliet xhieda tal-glorja tal-Mulej fuq il-muntanja Tabor fit-Trasfigurazzjoni. Raw il-glorja tal-Mulej, semgħu lil Mosè u lil Elija jitkellmu ma’ Ġesù, fit-tluq tiegħu minn Ġerusalemm. “Imma sa dakinnhar,” jgħid l-Evanġelju ta’ San Ġwann, “kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet” (Ġw 20:9).
Dawn id-dixxipli magħżula, li sa mill-bidu raw lil Ġesù jqajjem lit-tfajla bint Ġajru mill-mewt; kienu xhieda tal-qawwa ta’ Ġesù fuq il-mewt meta qajjem l-uniku tifel tal-armla ta’ Najm; kienu xhieda tas-setgħa ta’ Ġesù fuq il-mewt tal-qawmien tal-ħabib tiegħu Lazzru; il-mewt tibqa’ misteru kbir għalihom. Hekk ukoll jibqa’ misteru kbir li Ġesù jmut u jindifen u issa jilmħu qabar vojt. Mhumiex xhieda ta’ xi mument trijunfanti, bħalma forsi nimmaġinaw li jiġri fil-qawmien meta naraw xi purċissjoni tal-Irxoxt fit-toroq tagħna, jew li Ġesù tal-kartapesta jew tal-injam jidħol b’sorpriża kbira f’xi knisja minn tagħna. Mhumiex xhieda ta’ xi ħaġa spettakolari. Huma “raw il-faxex, u l-maktur li kien madwar rasu, mitwi u mqiegħed f’post għalih” (Ġw 20:6-7).
Il-loġika tgħidilna li min jisraq katavru ma joqgħodx jitwi l-maktur pulit u jieħu l-katavru mingħajr il-kefen tiegħu. Xmun Pietru u Ġwanni jibqgħu mistagħġbin b’dak li qed jaraw. Jibqa’ sinjal ambigwu, li ma jisfurzax ir-rieda tagħna. Il-qabar vojt li għadu magħna Ġerusalemm; għalkemm fis-seba’ seklu l-blat tiegħu tkisser kważi għalkollox u kien meqrud. Imma l-post nafuh, għadu magħna. Dak il-post jibqa’ proposta: inti temmen fl-Irxoxt tal-Mulej? Mhix xi ħaġa tant evidenti li m’għandekx għażla. L-Irxoxt tal-Mulej ma jneħħilek xejn mil-libertà tiegħek. Jagħmel domanda lill-intelliġenza tiegħek; imma fuq kollox, domanda lill-qalb tiegħek.
Aħna l-Insara midinbin, dgħajfin, nifhmu li fil-ħniena tiegħu l-Mulej jagħtina togħma tal-paċi u l-ferħ tal-Qawmien. Wara kollox, l-Evanġelista tal-Qawmien, Marija ta’ Magdala hi dik li għamlet il-mixja mid-dnub għall-grazzja. “Inħafrulha ħafna, għax ħabbet ħafna” (Lq 7:47) għax fir-rakkont tal-Qawmien, hi l-qalb li titkellem u mhux il-moħħ. Tmur tfittex lill-kap, lill-blata, dak li ċaħad lill-Mulej; imma xorta magħżul minnu. Imma ma tinsiex ukoll tfittex flimkien miegħu lid-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù. Dak li bħalha kien xhud dirett tal-mewt kiefra tal-Imgħallem, kien xhud dirett tad-difna tal-Imgħallem, u kellu jieħu ħsieb ukoll lil omm Ġesù.
L-Irxoxt tal-Mulej ma jneħħilek xejn mil-libertà tiegħek. Jagħmel domanda lill-intelliġenza tiegħek; imma fuq kollox, domanda lill-qalb tiegħek.
Ejjew nitolbu l-grazzja li aħna, li qed nifirħu bil-Qawmien ta’ Ġesù mill-Imwiet, inħallu lilu jkellem lil qalbna. Kemm toqgħod għal dan il-jum, dik il-frażi sabiħa, tant għal qalb il-kardinal qaddis John Henry Newman: ‘Cor ad cor loquitur’ – ‘il-qalb li tkellem lill-qalb’.
Today is the solemn feast of Easter. It is a dilemma, and an enigma to the mind, it defies logic; it is only through our hearts that we can understand the mystery of the empty tomb. It is not self-evident, it is not something that forces itself on us, or takes away our freedom; but it engages us on a very deep and profound level.
Today’s mystery is something that we need to discover through our hearts, and that is why the motto chosen by Cardinal St John Henry Newman is so appropriate: ‘Cor ad cor loquitur’ – ‘heart speaketh unto heart’, a dialogue between hearts. That is why, Mary Magdalene goes to Peter, the rock and the chief, but does not forget the beloved disciples. She and the beloved disciples were at the foot of the cross. They were witnesses to the horrible death of Jesus Christ on the cross; witnesses of his burial; and now they become the witnesses of the empty tomb.
Were do we stand in all this? As we celebrate Easter, let us ask the Lord, to speak to our hearts, and enlighten our lives, with his peace and his joy.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 10:34a,37-43
Salm: 117(118):1-2,16ab-17,22-23
Qari II: Kol 3:1-4 jew 1 Kor 5:6b-8
L-Evanġelju: Ġw 20:1-9 jew Lq 24:13-35