L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju li għadna kemm smajna ma jitkellimx fuq it-twelid tal-Verġni Marija imma jitkellem dwar it-tnissil ta’ Binha Ġesù. Jindikaha lil din il-mara, li il-ġenituri tagħha Anna u Ġwakkin semmewha Marija, jindikaha bħala Omm il-Feddej.  Alla juri lilu nnifsu f’ibnu f’żewġ ismijiet sbieħ u importanti li jagħtu sens profond lill-festa li qegħdin nagħmlu llum, li aħna bir-raġun minħabba l-istorja ta’ pajjiżna nsejħulha l-vitorja. U bir-raġun ukoll din il-belt isejħulha Vittoriosa. Dawn iż-żewġ titli għandhom l-għeruq fl-istorja ta’ pajjiżna: fil-ħelsien mill-Assedju tal-1565 u dak ukoll tal-1943. Tradizzjonalment, u providenzjalment, it-tmiem ta’ dawn iż-żewġ assedji ħorox u kruduli li fuq pajjiżna ġabu ħafna ħsara u telf, il-ħelsien minnhom sar proprju bejn is-7 u t-8 ta’ Settembru. 

Il-poplu tagħna dejjem għaqqad dawn l-avvenimenti mal-interċessjoni ta’ din it-tifla li titwieled bħal-lum. Din it-tifla ċkejkna, bint Sant’Anna u San Ġwakkin li l-artist bravu Manuel Farrugia pitter fit-trittiku ġdid inawgurat mill-parroċċa imma bil-ħidma u bil-ġenerożità u bl-inizjattiva ta’ Heritage Malta li tagħhom verament aħna grati u nirringrazzjawhom, dan it-trittiku ġdid, f’idjoma kontemporanja imma verista, jagħtina l-ferħ ta’ dawn il-ġenituri li jħaddnu din it-tarbija ċkejkna Marija, indikata proprju bid-dijadema bi 12-il stilla madwar. Allura tinduna li dak mhux il-Bambin Ġesù imma hi Sidtna Marija, kif kien it-trittiku l-antik, bħalma kien fl-ikonografija ta’ żmien il-Kavallieri, mal-ġnub hemm il-patruni ta’ Malta ta’ żmien: il-patrun tal-Ordni ta’ San Ġwann il-Battista u l-patrun tal-gżejjer tagħna San Pawl.

Fil-parroċċi tagħna ħafna drabi jkollok dawn iż-żewġ kwadri laterali ta’ San Ġwann il-Battista u ta’ San Pawl għax dawn kienu l-patruni ta’ Malta fi żmien il-Kavallieri – il-patrun tal-ordni u l-patrun tal-gżejjer tagħha. Imma fin-nofs tat-trittiku hemm ix-xena ta’ familja ferħana bit-twelid ta’ binthom.

Il-ferħ tagħna l-Maltin u l-Għawdxin illum, mhux biss għat-twelid ta’ Omm il-Feddej imma wkoll għal dak li jfisser dan il-jum fl-istorja tal-pajjiż: “Ħares Mulej, kif dejjem Int ħarist” (Dun Karm Psaila – Innu Malti). Aħna qegħdin niċċelebraw dawn l-anniversarji importanti biex infakkru li Alla dejjem kien magħna. Għalina Alla kien tassew Salvatur. Kien tassew Alla magħna. F’jum il-vitorja niftakru dejjem f’dawn it-titli sbieħ li l-missier jagħżel għal Ibnu: ‘Yehua – Alla jsalva, Emmanuel – Alla magħna’. Jekk aħna f’jum il-vitorja, irridu nirringrazzjaw lil Alla, nirringrazzjawh talli kien magħna bħala salvatur u ħellies. Talli kien magħna dejjem – Alla magħna.

Irridu wkoll infakkru f’tant nies fl-istorja ta’ pajjiżna li taw ħajjithom għal ġid tal-komunità. Minnhom nitgħallmu l-għotja ta’ ħajjitna tkun sabiħa jekk tkun għas-sewwa u għall-ġustizzja.

Imma niftakru wkoll fl-eluf ta’ nies fiż-żewġ naħat, vittmi tal-ġlieda tal-poter li għadha tagħmel ħsara kbira ankè fi żminijietna. Aħna, wara ħafna telf u ħsara, ġibnieha żewġ l-istorja tagħna. Malta qatt ma kienet mirbuħa. Il-belt Vittoriosa u dan il-kastell, dan il-forti – dawn flimkien huma xhieda ta’ kemm għaddew nies imma qatt ma kienu dawk li rebħu fi gwerra armata. Mhux għax ma ġewx u forsi xtaqnihom immorru llum qabel għada.

Imma llum irridu nfakkru mumenti demmija li ħallew ħafna vittmi. Wara din il-quddiesa, bħalma jsir kull sena, aħna nagħmlu ċerimonja li fiha nfakkru l-vittmi tal-assedji tagħna b’mod speċjali dak għall-1565. Imma rridu wkoll infakkru f’tant nies fl-istorja ta’ pajjiżna li taw ħajjithom għal ġid tal-komunità. Minnhom nitgħallmu l-għotja ta’ ħajjitna tkun sabiħa jekk tkun għas-sewwa u għall-ġustizzja.

Nitolbu l-interċessjoni tal-Verġni Marija f’jum it-twelid tagħha. Disa’ xhur ilu ċċelebrajna it-tnissil bla tebgħa tagħha. Issa disa’ xhur wara, bħal-lum, niċċelebraw it-twelid tagħha minn Anna, il-mara ta’ Ġwakkin. Kif disa’ xhur ilu fraħna bit-tgħanniqa intima tal-imħabba tagħhom, illum nifirħu billi naraw il-frott tal-imħabba tagħhom. L-omm titwieled – missjoni speċjali li tkun Omm il-Feddej.

Nitolbu fuqna u fuq id-dinja għall-paċi u l-ħelsien mill-gwerer, mill-inġustizzji, mill-vjolenza, mill-qtil, dak kollu li jkisser lill-bniedem, li joħloq il-kultura tal-mewt u mhux tal-ħajja.

Ejjew, illum aħna u narawh fuq ix-xefaq ta’ ħajjitna, dak id-dawl fietel, kiebi li jindika li x-xemx dalwaqt titlaq, nifirħu u nithennew għaliex fit-twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija, il-Knisja kollha tifraħ. Minnha twieled Kristu, Alla tagħna, ix-xemx tal-ġustizzja. Nitolbu wkoll, li  bħalma tlabna fit-talba tal-festa tal-lum biex “il-Mulej, bid-don tal-grazzja tas-sema, ikattar is-sliem tiegħu fuqna” (kolletta tal-quddiesa).

Illum, waqt li nifirħu li l-Mulej ħelisna mill-għawġ kbir għal darba darbtejn, nitolbu fuqna u fuq id-dinja għall-paċi u l-ħelsien mill-gwerer, mill-inġustizzji, mill-vjolenza, mill-qtil, dak kollu li jkisser lill-bniedem, li joħloq il-kultura tal-mewt u mhux tal-ħajja.

Illum, aħna u nifirħu bit-twelid ta’ tarbija ċkejkna, jingħata lilna sinjal ta’ tama. Nitolbu li f’pajjiżna kull twelid iġib il-ferħ miegħu. Kull twelid ikun twelid maħbub u mixtieq. Kull twelid jagħti tama ġdida lill-familji tagħna u lis-soċjetà.  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Mikea 5:1-4a
Salm: 12:6
Qari II: Rum 8:28-30
L-Evanġelju: Mt 1:1-16,18-23

Aktar ritratti