L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Fil-ħajja tagħna, l-iktar esperjenza li timla l-qalb hija l-esperjenza tal-imħabba. Jista’ jkollna sodisfazzjon fil-ħajja b’ħafna affarijiet u nkunu kuntenti b’affarijiet sbieħ, imma l-iktar esperjenza li timla l-qalb hija l-imħabba.
Hemm raġuni għal dan. Meta Alla ħalaqna, għamilna xbieha tiegħu, hu li hu mħabba. U qiegħed f’qalbna din l-imħabba, tana l-kapaċità li aħna li aħna maħbuba minnu nistgħu nħobbu u hemm insibu tassew il-milja f’ħajjitna.
Għalhekk, Ġesù lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin”. Irid li din tkun il-karatteristika ta’ dawk li huma dixxipli tiegħu – tagħna bħala Nsara. Din l-imħabba li jkollna f’qalbna lejn l-oħrajn qisha l-karta tal-identità tagħna. Ġesù jispjega xi ħaġa iktar minn dak li kienu mdorrijin jisimgħu bih meta l-kelma ‘mħabba’ kienet spjegata lilhom. Jgħidilhom: Ħobbu lil xulxin … “bħalma ħabbejtkom jien”. Qabel kienu jisimgħu “ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Dik diġà hi ħafna! Ġesù qisu jgħolli l-livell. Jgħidilhom: mhux biss bħalek innifsek imma “bħalma ħabbejtkom jien”.
Li fi kliemek tkun sensittiv jew sensittiva u ma tweġġax lil dak li jkun hu att ta’ mħabba.
U x’ifisser “bħalma ħabbna hu”? L-ikbar turija ta’ mħabba hi proprju fuq is-salib meta hemm dak li qal hawn bil-kliem, meta Ġesù ta ħajtu – “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu”. Hemm hi l-imħabba fil-milja tagħha. Imma Ġesù ħajtu kollha kienet mimlija mħabba, u speċjalment anke fid-dettalji ż-żgħar. Min iltaqa’ miegħu u kellu qalb sinċiera, kellu din l-esperjenza: dan verament iħobbni.
Dan hu li jitlob minna, aħna li nimxu warajh: li aħna nagħmlu minn ħajjitna don ta’ mħabba għall-oħrajn u speċjalment ukoll li nħobbu fl-affarijiet iż-żgħar tal-ħajja ta’ kuljum. Per eżempju, li tisma’ lil xi ħadd kultant hija att kbir ta’ mħabba. Li fi kliemek tkun sensittiv jew sensittiva u ma tweġġax lil dak li jkun hu att ta’ mħabba. Li bi tbissima tiegħek tfarraġ jew tinkoraġġixxi, jew anke b’messaġġ li tagħti tgħin lil dak li jkun jimxi ’l quddiem hu att ta’ mħabba. Li tieqaf ma’ xi ħadd li hu mdejjaq jew fi bżonn partikulari u tgħinu hu att ta’ mħabba. L-imħabba turi ruħha f’dawn id-dettalji żgħar tal-ħajja ta’ kuljum li minnhom ikollna ħafna f’okkażjonijiet diversi.
Meta jkollna l-imħabba ta’ Alla f’qalbna, tgħinna biex fejn hemm bżonn nagħmlu sagrifiċċju, għax l-imħabba kultant tfisser sagrifiċċju. Tfisser kultant li mmorru kontra tagħna nfusna f’dak li f’qalbna jfixkel l-imħabba: l-egoiżmu, il-pika, il-mibegħda, il-vendikazzjoni, il-preġudizzji. Lil dawn ma nħalluhomx jegħlbuna, għax meta dawn jegħlbuna ma jħallux spazju għall-imħabba ta’ Alla f’qalbna. U l-ewwel ma nbatu aħna – jekk ma jkollniex l-imħabba u l-paċi ta’ Alla f’qalbna.
Illum ejjew nitolbu lil Alla, ispirati mill-kelma tiegħu, biex f’qalbna jkollna dejjem l-imħabba tiegħu u naqsmuha mal-oħrajn; li nħobbu lil xulxin kif ħabbna hu, u li din l-imħabba tkun il-karta tal-identità tagħna bħala Nsara.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju