Santwarju Madonna Ta’ Pinu, Għawdex
14 ta’ Lulju 2016
Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù qed jitkellem fuq ‘toqol ħafif’ u ‘madmad ħelu’. Frażijiet kemmxejn paradossali. Għaliex jgħaddu ħafna mumenti fil-ħajja tagħna fejn inħossu t-toqol u nħossu wkoll il-madmad, u l-mistoqsija tiġina: imma kif jista’ jkun dan it-toqol isir ħafif u l-madmad isir ħelu? Huwa l-mument fejn aħna nintreħew totalment f’idejn il-Mulej u niftakru fit-talba li għallimna, “ikun li trid int, kif fis-sema hekkda fl-art” (Mt 6, 10).
Bħalissa għaddejja diskussjoni fil-pajjiż, dwar il-ħajja li ssir insopportabbli. Il-mard li jneħħi u jneżża’ lill-bniedem mid-dinjita’ tiegħu. Huwa toqol li l-bniedem tal-lum jarah tqil wisq, madmad li m’għandu l-ebda ħlewwa anzi għandu ħafna mrar. L-istedina ta’ Ġesù hija li nafdaw fih, li nersqu lejH, “Ejjew għandi intom li intom imħabbtin u mtaqqlin u jiena nserraħkom (Mt 11, 28). Niltaqgħu ma’ nies fis-soċjetà tagħna llum li jsibuha bi tqila li jersqu lejn il-Mulej għax l-esperjenza tat-tbatija minflok tressaqhom lejH, tbegħdhom minnu. Illum, aħna u nfakkru lil San Kamillu de Lellis, iridu nitolbu biex fl-appostolat tal-morda, b’mod speċjali min hu mtaqqal b’mard kiefer, aħna nwasslu din il-qalb ħelwa u umli ta’ Ġesù, li min jiltaqa’ miegħu t-toqol tiegħu isir ħafif, il-madmad tiegħu isir ħelu.
San Kamillu de Lellis ingħata totalment għall-morda. Fihom kien jara lil Ġesù Kristu imsallab. Il-pjagi tagħhom kienu għalih il-Pjagi ta’ Ġesù. Ejjew nitolbu f’din is-Sena tal-Ħniena, li aħna nitgħallmu minn dawn il-qaddisin li saru qaddisin huma u jħaddmu l-opri tal-ħniena. San Kamillu huwa l-padrun ta’ din il-glorja tal-ħniena, ta’ min jiddedika ħajtu biex idur bil-morda.
Aħna, għall-grazzja ta’ Alla, għandna diversi ambjenti ta’ kura li noffru lis-soċjetà, bħalma hija d-Dar tal-Providenza, ir-residenzi għall-anzjani u l-preżenza tal-patrijiet fl-isptarijiet. Ejjew nitolbu lil Alla, bl-interċessjoni tal-qaddisin, illum b’mod speċjali ta’ San Kamillu u tal-Madonna ta’ Pinu, biex il-ħarsa tagħna tkun ħarsa ta’ umiltà, ta’ ħlewwa, ta’ faraġ u ta’ serħan. Jiena nixtieq nafda lid-Djoċesi tagħna – mhux biss il-Kapitlu tal-Katidral rappreżentat minnkom – f’idejn il-Madonna ta’ Pinu, f’idejn Marija. Hija wkoll omm dak li ġabilna l-veru saħħa, hija wkoll saħħa tal-morda.
Nitolbu sabiex il-pajjiż ma jċedix għat-tentazzjoni li jippromovi kultura tal-mewt f’isem il-libertà, kemm fil-bidu nett tal-ħajja tal-bniedem, kif ukoll lejn it-tmiem. L-ikbar dritt tal-bniedem huwa l-ħajja, dritt fondamentali. Ejjew nitolbu biex bis-solidarjetà u bil-kompassjoni tagħna, fejn hemm it-tbatija, id-dubju u l-qtigħ il-qalb, aħna nkunu nistgħu inwasslu d-dawl tal-Mulej, li huwa l-Mulej tal-ħajja, mhuwiex tal-mewt. Huwa Sid il-ħajja u il-ħajja hija f’idejH. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nafdaw lil Alla bil-ħajja tagħna u ngħidulu, ‘inti Sid il-ħajja tagħna mhux jien. Mhux aħna Sidien tal-ħajja tagħna, imma int. Imma meta it-toqol ikun piż kbir, meta l-madmad ikun morr, għinna biex fik it-toqol isir ħafif u l-madmad isir ħelu’.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta