L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Jekk xi ħadd jgħidlek li din hija kelma tqila ħafna, inti tifhem li għandu raġun għaliex dak li qed jitlob minna Ġesù fl-Evanġelju tal-lum minn kapitlu 5 skont San Mattew, hija forsi waħda mill-iżjed affarijiet diffiċli li jitlob minna: l-imħabba tal-għedewwa tagħna.
“Itolbu għal dawk li jippersegwitawkom” (Mt 5:44), għal dawk li jagħmlulkom il-ħsara. Hu juża kelma li forsi fiha ċ-ċavetta biex nifhmu x’qiegħed jitlobna: “Tkunu wlied Missierkom” (Mt 5:45). Meta jitkellem fuq Alla f’din is-silta Ġesù jirrepeti għal darbtejn il-kelma Missier. “Kunu perfetti bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5:48).
Jekk aħna għandna missier, allura aħna aħwa. Ma qalx missierek u missieru, Missierna! U allura jekk aħna aħwa u mhux bilfors dejjem naqblu għax l-aħwa mhux bilfors dejjem jaqblu, u l-aħwa ma jagħżlux lil xulxin – inti tagħżel il-ħbieb tiegħek, ma tagħżilx lil ħutek – imma jekk aħna aħwa u għandna l-istess Missier, nistgħu nifhmu għaliex il-Mulej jinsisti li nħobbu lil xulxin. Anke meta lil min qed nipprova nħobb huwa mżejjen b’kull antipatija u forsi meta narah niftakar mal-ewwel il-ħsara li għamilli.
Kultant meta aħna nkunu kkonfrontati b’din ir-realtà u toqrosna fil-laħam il-ħaj, l-ewwel istint ikun istint ta’ rabja, kważi anke ta’ ċaħda ta’ dak li jgħid Ġesù, tgħid mhux hekk? Imma aħna rridu nifhmu wkoll li Ġesù għandu għal qalbu għax jixtiqilna l-ikbar ġid, il-paċi ta’ qalbna. U ejjew nifhmu li meta jien nibqa’ rrabjat għal xi ħadd, ikun seraqli l-paċi ta’ qalbi u li t-triq l-iżjed diffiċli hija dik li se tagħtini l-paċi.
Jiena naħdem fuqi nnifsi li meta niftakar fih, nitlob għalih jew għaliha, li jekk niltaqa’ ma’ dil-persuna fil-bżonn ngħinha. Mhux qed ngħidlek fittex il-kumpannija ta’ min għamillek id-deni jew ma titgħallimx toqgħod attent u tiftaħ għajnejk. Ġesù mhux qed jgħid hekk. Imma l-imħabba hija dik li fil-prova tgħinek tagħżel tajjeb, ma tpattix id-deni bid-deni imma tpatti d-deni bil-ġid.
“Smajtu xi ntqal, ‘Ħobb lil għajrek, obgħod lill-għadu tiegħek’” (Mt 5:43). Ġesù jwarrab minn qalbna kull tip ta’ mibegħda. Anke meta hu diffiċli qed jistedinna li fil-qalb tagħna jkun hemm spazju biss għall-imħabba u hekk inkunu wlied Missierna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Slaten 21, 17-29
Salm: 50 (51), 3-4.5-6a.11 u 16
Evanġelju: Mt 5, 43-48