F’quddiesa fil-miftuħ fi Brasso Park f’Milan l-Italja, f’għeluq is-seba’ Laqgħa Dinjija tal-Familji, il-Papa qal:
“Is-solennita liturġika tat-Trinita Qaddisa tħeġġiġna nikkommettu lilna nfusna biex ngħixu f’għaqda m’Alla u ma’ xulxin fuq il-mudell tat-trinita Qaddisa. Mhijiex biss il-Knisja li hi msejħa sabiex issegwi dal-mudell ta’ Alla wieħed fi tliet persuni, imma anki l-familja, ibbażata fuq żwieġ bejn raġel u mara. Alla ħalaqna rġiel u nisa, ugwali fid-dinjita, anki jekk b’karatteristiċi differenti biex nikkumplimentaw lil xulxin f’ħajja ta’ mħabba li tagħmilna xbieha awtentika ta’ Alla.”
Lill-koppji miżżewġin qalilhom li fiż-żwieġ mhumiex sempliċiment jagħtu xi ħaġa waħda lil xulxin, imma qed jagħtu ħajjithom. Tkellem ukoll dwar l-imħabba ġeneruża li twassal għat-twelid tal-ulied u l-prokreazzjoni tagħhom, imsaħħa b’kura u edukazzjoni viġilanti. Fi kliemu “il-familja hija l-ewwel skola ta’ virtujiet soċjali li ma jista’ jeħdilha posta xejn”. Temm iħeġġiġhom ikunu viġilanti fuq uliedhom anki fid-dawl tal-era teknoloġika li qed ngħixu, bil-għan li jittrasmettulhom serenti u sens qawwi ta’ fidi.
Tkellem ukoll dwar iż-żmien diffiċli li qed tiffaċċja l-familja bħalissa, il-ħtieġa tad-djalogu, il-ħtieġa tal-maħfra u l-umilta quddiem il-kunflitti. Indirizza wkoll il-bżonn tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-operat tal-familja.
Is-Sibt wara nofsinhar, il-Papa iltaqa’ wkoll ma’ rappreżentanti mill-awtoritajiet ċivili u militari, industrijalisti u ħaddiema, u esponenti ta’ dinja kulturali fir-reġjun tal-Lombardija. Benedittu XVI iffoka rimarki tiegħu fuq il-prinċipji ta’ governanza tajba kif imfassla minn San Ambroġ, li ibbażat Milan fir-raba’ seklu, kien imexxi l-provinċji Rumani ta’ Liguria u Aemilia. Ma’ dawn insista dwar l-importanza tal-ġustizzja u l-liberta.
Il-Papa ippresieda wkoll talb is-Sibt filgħodu fil-bażilika katedrali ta’ Santa Marija f’Milan, fejn iltaqa’ ma’ żgħażagħ li għamlu jew qed jitħejjew għall-Griżma tal-Isqof.
Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd, li ġabet fi tmiemha l-Laqgħa Dinjija tal-Familja, il-Kap tal-Knisja Kattolika li t-tmien Laqgħa Dinjija tal-Familja se ssir fl-2015 f’Philadelphia, fl-Istati Uniti tal-Amerika.