L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Is-silta mill-kapitlu 9 ta’ San Mattew hija maqsuma f’żewġ partijiet. L-ewwel waħda hija proprju dwar miraklu straordinarju meta Ġesù jiltaqa’ mar-raġel mbikkem li kien maħkum mix-xitan. “Ġesù keċċa x-xitan, u l-imbikkem qabad jitkellem” (Mt 9:33). Min jaf kemm-il darba aħna jkollna diffikultajiet ta’ komunikazzjoni bejnietna. Mhux għax inkunu imbikkmin fiżikament imma għaliex nirriffjutaw li niddjalogaw ma’ xulxin. Illum nitolbu lil Ġesù jeħlisna minn dawn il-ħitan li ntellgħu għal xulxin; hu li ħeles lill-imbikkem mill-ħakma tax-xitan u tah il-kelma mill-ġdid jagħmel ukoll hekk f’tant sitwazzjonijiet fil-familji, fis-soċjetà. Niftakar f’aħwa li ma jkellmux lil xulxin; ġirien li ma jkellmux lil xulxin; nies li ma jsellmux lil xulxin, anzi jaħarbu lil xulxin. U anke fis-soċjetà xi kultant nirrifjutaw li niddjalogaw; kulħadd jgħid il-biċċa tiegħu imma qatt ma niddjalogaw. Għandna bżonn lill-Mulej jeħlisna minn din il-kefrija għax aħna qisna mbikkma għal xulxin.

It-tieni ħsieb li ġieni hu r-reazjoni differenti tan-nies u tal-Fariżej. Qed jaraw l-istess ħaġa: “In-nies stagħġbu, u bdew jgħidu: Ħaġa bħal din qatt ma dehret f’Iżrael!” (Mt 9:33). Imma l-Fariżej, li mingħalihom jifhmu, jakkużaw lil Ġesù li qed jirnexxielu jiftiehem max-Xitan biex jagħmel show. Din mhux biss hija nuqqas ta’ fiduċja f’Ġesù imma hi kalunja ħarxa. Meta naffaċċjaw xi nies li jinterpretaw dak li nagħmlu bl-iżjed mod negattiv possibli, niftakru f’Ġesù: għadda minnha hu, ser neħilsuha aħna?

Fit-tieni biċċa tal-Evanġelju Ġesù jinnota lin-nies li qishom “nagħaġ bla ragħaj” (Mt 9:36). Aħna għandna ħafna kapijiet fid-dinja, u mhux bilfors għandna ragħajja li tassew jieħdu ħsieb lill-merħla tagħhom. Ġesù, lin-nies li kellhom ir-rejiet u l-gvernaturi, “rahom u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa” (Mt 9:36). Dan il-verb mhuwiex it-tħassir, ‘kemm qed nitħassrek’ imma ta’ xi ħadd li jinkwieta tassew għalik. Huwa verb qawwi ħafna fl-Evanġelju, kważi tħoll il-vixxri tiegħek bil-kura, bl-għożża, bl-imħabba, bil-ħniena, bis-sens ta’ protezzjoni. Dak kollu li joħroġ minn dan il-verb “tħassarhom” (Mt 9:36) rahom “bħal nagħaġ bla ragħaj”,  għalkemm kellhom ħafna kapijiet reliġjużi u ċivili imma xorta kienu “nagħaġ bla ragħaj”.

Xi ħaġa li hemm bżonn niftakru hija li aħna m’aħniex sidien il-ħsad, il-ħsad mhux tagħna.

Ġesù jiftakar li l-Missier għandu “ħsad li huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit” (Mt 9:37). X’jgħidilna nagħmlu biex ikun hemm ħaddiema fil-ħsad? “Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Mt 9:38). Meta nitolbu għall-vokazzjonijiet qegħdin insegwu l-kmand ta’ Ġesù. Xi ħaġa li hemm bżonn niftakru hija li aħna m’aħniex sidien il-ħsad, il-ħsad mhux tagħna. Aħna ħaddiema mibgħuta minn sid il-ħsad għall-ħsad tiegħu.

It-tentazzjoni hija li aħna nippossjedu. Aħna niddeskrivu lil San Ġużepp bħala ‘ta’ qalb safja’ u ‘l-għarus kastissmu ta’ Marija Verġni’, iżda l-Papa Franġisku jgħid li mhix kwistjoni ta’ sess, imma l-fatt li Ġużeppi għex il-missjoni tiegħu mingħajr ma jkun padrun, mingħajr ma jkun dittatur, u mingħajr ma jgħid li l-Madonna u Ġesù huma tiegħu. Ma kinitx dik il-qalb ta’ San Ġużepp. U min irid jgħix il-kastità, dan irid jitgħallem. Meta tħares lejn persuna ħares lejha b’qalb safja. Anke jekk hija martek, dik mhijiex tiegħek, anke jekk hu żewġek. Mhix kwistjoni ta’ pussess oppressiv. Huwa veru li l-espressjoni ‘il-mara tiegħi’ jew ‘ir-raġel tiegħi’ hi espressjoni sabiħa għax hemm għotja li inti lqajt, imma mhux li tieħu pussess, li joħnoq, u li allura jkollok d-dritt li titratta lil dak li jkun b’mod aħrax jew kattiv.

Santa Marija Goretti, jekk irridu nifhmuha llum bħala qaddisa relevanti għalina, irridu niftakru li kienet tifla fqajra ta’ 12-il sena li ma kellhiex ħafna skola. Kienet ġejja minn familja ta’ bdiewa li minn Corinaldo (l-Italja) marru Nettuno fejn illum hemm is-santwarju ddedikat lilha. Hemmhekk għexet mhux fit-tul, għax bir-rabja li kellu, l-aggressur qatilha b’ħafna daqqiet ta’ sikkina għaliex hi, ta’ 12-il sena, qaltlu le għas-sess. Ma mititx dak il-ħin u damet ftit ġranet f’agunija. Laħqet għamlet l-preċett fuq is-sodda tal-mewt u ħafret lil min taha dawk id-daqqiet kollha. Fl-1950 l-Papa Piju XII ikkanonizzaha u kien hemm preżenti ommha. Jgħidu li lil ommha l-Papa staqsiha jekk mhix ferħana li bintha saret qaddis. L-omm weġbitu: “Jien naf li tifla tiegħi mejta, qatluhieli”. L-omm baqgħet bil-weġgħa anke meta rat lit-tifla ddikjarata qaddisa mill-Papa. Min qatilha kkonverta anke bit-talb ta’ Marija Goretti u għex ħafna mill-aħħar snin ta’ ħajtu b’ħajja eżemplari. Aħna nfakkru tant verġni u martri tal-ewwel sekli bħal Santa Anjeże, Santa Ċeċilia, u Santa Anasatasja. Illum qed infakkru martri u verġni tas-seklu 20.

Bl-interċessjoni ta’ Santa  Marija Goretti nitolbu għan-nisa kollha u għaż-żgħażagħ kollha, irġiel u nisa, li ħafna drabi jiltaqgħu mal-esperjenza tas-sesswalità f’ambjenti vjolenti, anke bl-immaġini, anke bil-viżwal; biex il-Mulej ilaqqagħhom mas-sbuħija ta’ dan il-lingwaġġ ta’ mħabba, li għax huwa linġwaġġ ta’ mħabba għandu s-safa sabiħa tiegħu.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 32:22-32 (Ebrajk 23-33)
Salm: 6 (17), 1.2-3.6-7.8b u 15
Evanġelju: Mt 9:32-38