Messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Jien nixtieq nirringrazzjakom ħafna. Nirringrazzja lill-grupp organizzattiv, lil min ta l-kontribut tiegħu anke permezz tal-ideat u permezz taċ-chats; u fuq kollox lil dawk kollha li semgħu, għax aħna Knisja li tisma’, u hemm bżonn nisimgħu ħafna. Jiena naħseb dawn it-tliet punti – li nisimgħu l-Kelma t’Alla, nisimgħu lil xulxin u nisimgħu r-realtà ta’ madwarna – huma ta’ għajnuna kbira għalina fil-missjoni tagħna, kull fejn aħna, ilkoll kemm aħna.
Illum enfasizzajna ħafna ċ-ċentralità tal-Kelma t’Alla, u li tkun għalina ta’ għajn, ta’ ispirazzjoni. Li nitolbu permezz tal-Kelma t’Alla. Li nindunaw illum, anke wara din is-sena, li hawn għatx fil-fatt għall-Kelma t’Alla, u li aħna minn hemm għandna nitilqu u hemm għandna naslu. Naħseb dik hi importanti ħafna.
Semmejna anke li nisimgħu lil xulxin, anke il-mod kif nistgħu nisimgħu l-istorja ta’ nies partikolari. Ħaġa li tolqotni, irrid insemmi hawnhekk, hi meta jsir diskors kultant fuq ir-refuġjati u l-immigranti. Jiena ngħid ħaġa waħda, kieku veru nisimgħu l-istorja tagħhom, ma nitkellmux b’dak il-mod jew ma niktbux b’dak il-mod, li kultant tisma’ u taqra. Trid tisma’ l-istorja. Dan hu biss eżempju, għax bħal dawn hawn familji, hawn żgħażagħ li għaddejjin minn esperjenzi diffiċli, hawn minn kollox. Hawn esperjenzi pożittivi u hawn weġgħat. Għalhekk meta nisimgħu l-istorja tal-oħrajn, naħseb li din tkun ta’ għajnuna kbira għalina anke biex nagħrfu r-realtà u nagħrfu dak li għandna nagħmlu aħna fil-missjoni tagħna bħala Knisja.
Insemmi partikolarment li nisimgħu liż-żgħażagħ u anke lit-tfal. Forsi ħaġa li daħlet aktar f’dan l-aħħar żmien, anke fil-Knisja universali u li forsi rridu nenfasizzaw aktar, hi li nisimgħu lit-tfal. Ikollna okkażjonijiet fejn nisimgħu lit-tfal u t-tfal ikunu protagonisti, jitkellmu, u aħna nisimgħuhom. Għaliex naħseb li minn hemm trid titlaq, biex ’il quddiem ikollhom l-opportunità, l-adolexxenti, żgħażagħ li jitkellmu, il-kuraġġ li jitkellmu u aħna nisimgħuhom.
U speċjalment issemma’ punt importanti ħafna tas-silenzju, qed ngħid fejn tidħol il-Kelma t’Alla, imma anke fejn jidħol id-diskors u r-relazzjoni ma’ xulxin. Insemmi s-silenzju, għaliex ħaġa li tolqotni, kultant meta dort xi parroċċi ’l hawn u ’l hinn, ninnota kemm pereżempju f’adorazzjonijiet kemm ikun hemm diskors u nuqqas ta’ silenzju. Kultant anke meta wieħed jgħid: ‘Issa se nħallu mument ta’ silenzju’, ikun verament mument qasir. Meta hemm għandu jkun, naħseb, il-biċċa l-kbira tal-ħin f’adorazzjoni, is-silenzju quddiem Alla biex inkunu nistgħu tassew nisimgħuh.
Meta nisimgħu l-istorja tal-oħrajn, naħseb li din tkun ta’ għajnuna kbira għalina anke biex nagħrfu r-realtà u nagħrfu dak li għandna nagħmlu aħna fil-missjoni tagħna bħala Knisja.
Naħseb li għandna dejjem inkunu ggwidati anke minn Ġesù nnifsu. Semmejna bir-raġun, il-ġrajja ta’ Għemmaws; u nsemmi wkoll għax tolqotni, fil-bidu meta ngħidu Ġesù ‘ntilef fit-Tempju’. Kien fit-Tempju u mbagħad sabuh. L-ewwel ħaġa li jsemmi l-evanġelista hu li kien hemmhekk, “jismagħhom u jistaqsihom”. Imbagħad stagħġbu bl-għerf tiegħu. Imma l-ewwel ħaġa, jismagħhom u jistaqsihom. U mad-dixxipli t’Għemmaws imbagħad, ukoll, kien qed jismagħhom u jistaqsihom; qabel ma spjegalhom l-Iskrittura u għenhom jifhmu. U naħseb din hi importanti ħafna għalina, li fil-Knisja inġenerali ma’ kull persuna, biex nagħrfu aktar lil xulxin u anke r-realtà, x’qed jgħidilna l-Ispirtu permezz tal-Kelma tiegħu u permezz ta’ nies oħra, li aħna nisimgħu u nistaqsu.
Għalhekk nixtieq ħafna nirringrazzjakom ta’ din l-esperjenza. Nispera li jkollna anke mumenti oħra fejn nistgħu, nisimgħu, nistaqsu, nitkellmu u hekk nikbru tassew f’dan il-proċess bħala ‘Knisja waħda, vjaġġ wieħed’. Grazzi ħafna lil kulħadd.