-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Knisja Arċipretali Marija Bambina, in-Naxxar
31 ta’ Awwissu 2019Tagħlima li jixtieq jagħtina Ġesù llum tmur kontra l-istinti kollha tagħna. Miċ-ċokon aħna nkunu nixtiequ li jkollna l-attenzjoni kollha ta’ kulħadd u l-ħajja li tgħallimna li jeżistu nies oħrajn u li l-platt mhux għalina biss. Irridu naqsmuh.
Min għandu l-kuraġġ li t-tifel jew t-tifla jgħidilha ‘le’ għal xewqa, ikun qed jgħallimha u jgħallmu tagħlima importanti fil-ħajja.
Meta kien hemm familji numerużi din il-ħaġa kont titgħallimha fil-familja; missieri kienu 14-il aħwa, ommi kienu disgħa. Illum dawk in-numri narawhom biss fuq l-istampi, kif ngħidu, ħlief għal xi eċċezzjoni rari. Ħafna drabi meta tinnota ż-żgħar tagħna telgħin, tħoss dan in-nuqqas, donnu għadhom ma tgħallmux miċ-ċokon li ħaġa li għandek, trid taqsamha ma’ ħaddieħor. U kultant anke fit-trobbija fil-familji, biex nikkuntentaw lit-tfal nagħmlu kollox u donnu qed insibuha bi tqila nużaw il-kelma ‘le’. Donnu kollox irid ikun ‘iva’. Imma min għandu l-kuraġġ li t-tifel jew t-tifla jgħidilha ‘le’ għal xewqa, ikun qed jgħallimha u jgħallmu tagħlima importanti fil-ħajja.
Ġesù qed ikellem lill-kbar u jgħidilna meta nkunu mistednin mhux bilfors se nkunu minn ta’ quddiem, tajjeb tagħmel pass lura u toqgħod fejn ipoġġuk (ara Lq 14:8). Il-Mulej imma jagħtina tagħlima oħra: dik li l-ġid li nagħmlu, ikun xi jkun – jien ngħid anke ma’ tal-familja, ta. Ma nistennewx la grazzi u lanqas pjaċiri lura. Il-Mulej qed jgħallimna lezzjoni diffiċli imma aħna mill-esperjenza nindunaw kemm wara din il-lezzjoni, jekk nitgħallmuha, hemm paċi. Għax jekk jiena noqgħod nhewden fuq tort li għamluli, jew għamilt pjaċir u lanqas grazzi, nitlef il-paċi ta’ qalbi u mal-paċi ta’ qalbi nkun tlift teżor kbir. Mentri jekk bħala xhud ta’ dak li nagħmel ta’ ġid, insejjaħ lill-Mulej, il-Mulej iħallas hu.
Ħafna drabi meta niftakru f’nies b’rispett kbir, niftakruhom għal din il-ħaġa: li anke meta kienu fid-dritt li jittrattawhom b’tali mod, m’għamluhiex bi kbira.
Kemm hu sabiħ l-Ewwel Qari li smajna li jitkellem dwar il-barka ta’ min hu umli, ta’ min hi x’inhi l-pretensjoni ġusta tiegħu, jaf joqgħod lura (ara Sir 3:19-21). Ħa ngħidilkom qawl li tgħallimt meta kont Ruma. Ir-Rumani huma nies konkreti ħafna (mhux se nuża kliem pastaż għax għandhom qwiel ukoll naqra kkuluriti) imma r-Rumani, fost il-ħafna proverbji ta’ għerf kbir li għandhom, għandhom dan il-qawl jgħid hekk: chi mangia poco, mangia sempre. Inti jistednuk, tiekol bil-qies, dak li jkun jagħmel kuraġġ jerġa’ jistiednek. Għax jekk tmur u tbattallu l-mejda, jgħid: l-ewwel u l-aħħar.
U b’dan l-għerf hemm l-għerf ukoll ta’ dak li qed jgħid Ġesù. Inti toqgħod pass lura, ma tippretendix li kull fejn se tgħaddi ħa ssib it-tapit l-aħmar, u timxi kuntent. Ħafna drabi meta niftakru f’nies b’rispett kbir, niftakruhom għal din il-ħaġa: li anke meta kienu fid-dritt li jittrattawhom b’tali mod, m’għamluhiex bi kbira. Kemm hi ħaġa sabiħa min f’ħajtu ma jdoqqx it-tromba tiegħu. Mhux qed ngħid għal min irid ibigħ, għax l-għajjat nofs il-bejgħ, mhux għal min irid ibigħ, imma għalina kull wieħed u waħda minna. Il-Mulej meta jgħidlek: tinsiex il-fqir, qed jgħallmek li dak li tagħmel ma tagħmlux la għal grazzi u lanqas biex tieħu xi ħaġa lura.
Qawl ieħor Malti li jsewwidli qalbi imma fih ukoll għerf: ‘min jagħtik jew għax ħadlek jew għax se jeħodlok’. Hekk ngħidu aħna l-Maltin. Ġesù qed jipprova jikkonvertina minn din l-isfiduċja fl-umanità, li aħna jekk il-ġid li nagħmlu ma nfittxu xejn għal ġid li nagħmlu, mhux biss ngħixu iżjed kuntenti, imma l-ħajja tkun aħjar.
Jiena nħares lejn il-Bambina kull meta niġi. Nikkomwovi ruħi nara l-ħarsa ħelwa tagħha. Kinitx imnissla mingħajr tebgħa? Kinitx omm Alla? Imma x’qalet? “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.” (Lq 1:46-47). Għarrfet iċ-ċokon tagħha u kull nisel isejħilha ħienja.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Sir 3, 17-20.28-29
Salm: 67 (68), 4-5aċ. 6-7ab. 10-11
Qari II: Lhud 12, 18-19. 22-24a
Evanġelju: Lq 14, 1.7-14 -
-
-