Is-segretarju tal-Kunsill Pontifiċju għall-promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida, Mons Octavio Ruiz Arenas, ħabbar li nhar it-Tlieta, waqt is-sessjoni tal-ftuħ tal-laqgħa tal-Isqfijiet Presidenti tal-Kummissjonijiet taċ-CELAM (Il-Kunsill Episkopali Latin Amerikan), kien inawgurat l-Osservatorju tal-Evanġelizzazzjoni l-ġdida għall-Amerika Latina. Skont l-informazzjoni li qalet li waslitilha l-aġenzija Fides, kien preżeni wkoll il-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni l-ġdida, Mons Rino Fisichella. Matul l-inawgurazzjoni, kienet ukoll ippjanata laqgħa tal-pjattaforma ‘episcopo.net’ mad-diretturi kollha tal-Kummissjonijiet għall-Komunikazzjoni tal-Konferenzi Episkopali tal-Amerika Latina.
L-Osservatorju għandu l-għan li jkun struttura ta’ informazzjoni, riċerka u studju fir-rigward tad-diversi esperjenzi tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida eżistenti fl-Amerika Latina u l-Karibew, li takkumpanjahom fil-vjaġġ tagħhom u tistimola l-iskambju ta’ esperjenzi. Barra minn hekk, l-Osservatorju jippjana li japprofondixxi l-isfidi l-kbar li tiffaċċja l-Knisja fit-twettiq tal-missjoni tagħha ta’ evanġelizzazzjoni, u jinvestiga ‘l għaliex hemm min qed iħalli l-Knisja Kattolika.