-
-
Il-Ħamis, il-Papa Franġisku rrefletta fuq il-fatt li tkun Nisrani ma jfissirx li jkollok xi pożizzjoni soċjali. Waqt l-omelija tal-quddiesa f’Casa Santa Marta, il-Papa saħaq li l-Insara għandhom ikunu xhieda tal-ubbidjenza tal-Mulej, bħalma kien Ġesù.
Il-Papa qal li “Il-ħajja tan-Nisrani mhix status soċjali. Mhi lanqas mod ta’ kif tgħix l-ispiritwalità biex tħossok tajjeb jew ftit aħjar. Dan mhux biżżejjed. Il-ħajja tan-Nisrani hi li jkun xhieda tal-ubbidjenza u l-ħajja tan-Nisrani hi mdawra mill-malafama, seksik u persekuzzjoni.”
Spjega li mhux faċli tkun Nisrani, anzi, li ħafna drabi hi diffiċli, iżda min verament jemmen, m’għandux jaqta’ qalbu jew jibża’ għaliex fi kliem il-Papa, dawk li huma ppersegwitati, huma qaddisa.