Il-Knisja fl-Irlanda qed tistieden nies minn mawdar id-dinja kollha għall-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali 2012, sabiex jaħtfu l-opportunita biex japprofondixxu l-għaqda tagħhom ma’ Kristu u l-bqija tal-bnedmin.
Fl-aħħar jiem tnediet il-fażi preparatorja għall-Kungress li se jsir bejn l-10 u s-17 ta’ Ġunju 2012. Il-Kardinal Sean Brady, Arċisqof ta’ Armagh, nieda din il-fażi flimkien mal-Arċisqof Diarmuid Martin ta’ Dublin.
Il-Kardinal Brady innota li “l-għan ta’ kull Kungress Ewkaristiku hu li japprofondixxi l-fehim u jkabbar id-devozzjoni tal-Ewkaristija Mqaddsa, wisq ċentrali fil-fidi Kattolika”. Ingħad li din id-devozzjoni hi ferm għal qalb il-kattoliċi Irlandiżi. Kompla jafferma li “l-Ewkaristija hi s-sors u l-qofol tal-ħajja ta’ kull persuna li ssegwi l-passi ta’ Ġesu. Iż-żamma ta’ dan il-Kungress fl-Irlanda, hi mhux biss ġrajja lokali iżda attivita internazzjonali”.
Iċ-ċelebrazzjoni mistennija tattira eluf ta’ pellegrini u se tippermetti lill-Kattoliċi, sabiex jiltaqgħu u jipparteċipaw fil-quddies ta’ kuljum, jiddiskutu kwistjonijiet ta’ fidi u jieħdu sehem fi gruppi ta’ ħidma, riflessjonijiet abbażi ta’ xhieda u sehem fl-adorazzjoni ewkaristika”.