Kienet ippubblikata l-iskeda taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi li l-Papa se jkun qed jippresiedi bejn Frar u April li ġej.
Għada, festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej u Jum Dinji ddedikat lill-Ħajja Kkonsagrata, il-Papa se jiċċelebra l-Vespri mal-membri tal-Istituti tal-Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet tal-Ħajja Appostolika. Is-Sibt 18 ta’ Frar filgħodu jsir il-Konċistorju Ordinarju Pubbliku għat-tkabbir tal-Kulleġġ tal-Kardinali, flimkien ma’ vot fuq għadd ta’ kawżi ta’ kanonizzazzjoni. L-għada l-Ħadd 19 ta’ Frar, solennita tal-Katedra ta’ Pietru, il-Papa jikkonċelebra l-quddiesa fil-Bażilika tal-Vatikan, flimkien mal-Kardinali l-ġodda. Nhar it-22 ta’ Frar jaħbat l-Erbgħa tal-Irmied. Fl-4.30pm issir purċissjoni penitenzjali biex imbagħad fil-Bażilika ta’ Santa Savina issir iċ-ċerimonja tal-irmied u tingħata l-barka. Il-Ħadd 26 ta’ Frar, l-ewwel Ħadd tar-Randan, jibdew l-Eżerċizzi Spiritwali fil-Vatikan u jagħlqu nhar it-3 ta’ Marzu. Mistennija ferm hija ż-żjara tal-Papa fil-vjaġġ appostoliku tiegħu fil-Messiku u f’Kuba bejn il-Ġimgħa 23 u l-Ħamis 29 ta’ Marzu 2012.
Lejn l-ikbar festa tal-Knisja, ma jonqosx is-sehem tal-Papa fiċ-ċelebrazzjonijiet ewlenin. Nhar il-Ħadd l-1 t’April, Ħadd il-Palm, isir it-tberik tal-Palm u jinqara l-Passju, issir ukoll purċissjoni u quddiesa fi Pjazza San Pietru fid-9.30am. Il-Ħamis 5 ta’ April, Ħamis ix-Xirka, isir filgħodu t-tberik taż-żjut biex imbagħad fil-5.30pm fil-Bażilika San Ġwann Lateran, jibda t-tridu tal-Għid bit-tifkira tal-Aħħar Ċena ta’ Ġesu mad-dixxipli tiegħu. Il-Ġimgħa l-Kbira, fil-5pm fil-Bażilika tal-Vatikan, issir iċ-ċelebrazzjoni tal-Passjoni tal-Mulej, segwita iżjed tard filgħaxija fid-9.15pm, mit-Triq tas-Salib (Via Sagra) fil-Kolossew. L-għada Sibt il-Għid, issir filgħaxija l-Vġili tal-Għid biex imbagħad l-għada l-Ħadd 8 t’April tkun iċċelebrata l-festa tal-Qawmien mill-Mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu – l-Għid il-Kbir, b’quddiesa fl-10.15am fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan. Warajha, il-Papa jagħti l-barka tiegħu ‘Urbi et Orbi’, jiġifieri lil Ruma u lid-dinja.