IL-KNISJA TKOMPLI TINVESTI FL-EDUKAZZJONI TAT-TFAL

Fil-bidu ta’ din is-sena akkademika, is-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtu’ inawgura l-estensjoni ġdida li qed tilqa’ fiha l-iskola primarja. Dan skont kif tħabbar f’Jannar tas-sena l-oħra, bħala parti mill-proċess ta’ riforma li wassal biex jissaħħah il-prinċipju ta’ kontinwita’ fit-tranżizzjoni mill-primarja ghas-sekondarja u li wassal lill-iskejjel tal-Knisja biex jieħdu diversi inizjattivi.

L-iskola primarja tas-Seminarju nbniet fi żmien tnax-il xahar u hija meqjusa bħala Green School minħabba l-aċċenn partikolari għall-aspetti ambjentali fid-disinn u l-infrastruttura tagħha. L-iskola l-ġdida, li nbniet fuq art li diġa’ kienet mibnija, hija mifruxa fuq 9000 metru kwadru fuq diversi sulari minn erbgħa għal tnejn (bini mtarraġ). Minbarra 24  klassi, il-bini jinkludi wkoll child care centre għat-tfal tal-għalliema u l-impjegati, librerija, indoor playing hall, music room, laboratorji, sala li tilqa’ madwar 300 ruħ u spazju fejn isiru live-ins u laqgħat tal-istudenti miċ-Ċentru tas-Seminarju għall-Vokazzjonijiet, u spazji oħra.

L-iskola l-ġdida nbniet b’investiment ta’ €8 miljun li ġew ffinanzjati b’self mill-Bank APS u li jridu jitħasslu lura fuq medda ta’ snin. Dan l-investiment qed jissarraf fi skola li tilqa’ għal ħtiġijiet tas-seklu 21. L-iskola li fil-kostruzzjoni tagħha kienu nvoluti mat-300 ħaddiem, hija mgħamra b’interactive white-boards u wi-fi connectivity u diversi miżuri li jħarsu l-ambjent fosthom intelligent lighting, insulation u solar heating. Fis-sular taħt l-art inbniet ukoll kamra (plant room) b’tagħmir tekniku u tankijiet kbar li fihom jiġi rriċiklat l-ilma.

Fil-preżent fis-Seminarju jattendu 563 student (300 tal-primarja u 263 tas-sekondarja) li 150 minnhom huma studenti tal-Kulleġġ Santu Wistin. Dan peress li l-Kulleġġ Santu Wistin għadu qed jistenna l-permessi tal-MEPA biex tinbena skola primarja ġdida. Bi spirtu ta’ Knisja waħda, l-amministrazzjoni tas-Seminarju offriet li tilqa’ għandha l-istudenti tal-Kulleġġ Santu Wistin sakemm tinbena l-iskola l-ġdida. Ta’ min wieħed isemmi li minbarra l-iskola primarja tas-Seminarju, din is-sena akkademika fetħet il-bibien tagħha wkoll l-iskola tal-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl li qed tilqa’ 100 student ġdid tal-primarja, li mistennija jitilgħu għal 300 fi tliet snin meta timtela l-Primarja.

La darba fi żmien tlett snin l-iskola primarja tas-Seminarju tkun daħlet l-istudenti f’kull sena mill-Grade 1 sa’ Grade 6, in-numru ta’ studenti fl-iskola ser ikun ta’ 825. Biex jgħallmu lil dawn l-istudenti ser ikun hemm bżonn madwar 32 għalliem. Biex bdiet topera, l-amministrazzjoni tal-iskola diġa’ kellha timpjega 27 ruħ bejn għalliema, staff amministrattiv u impjegati oħra. Għal dawn is-27 impjieg applikaw ‘l fuq minn 600 persuna.

Fi kliem is-Surmast tas-Seminarju, Fr David Cilia, l-interess tan-nies f’din l-iskola u l-appoġġ li l-amministrazzjoni sabet fit-twettiq ta’ dan il-proġett juru fiduċja sħiħa min-naħa tal-pubbliku, kemm għaliex il-ġenituri rreġistraw lil uliedhom meta l-iskola kienet għadha mhux lesta u afdaw li din tkun lesta fil-ħin; u kemm għaliex l-applikazzjonijiet għall-impjiegi urew ukoll fiducja fl-istituzzjoni. Fr David temm jgħid li minkejja l-limitazzjonijiet finanzjarji, il-Knisja f’Malta ma baqgħetx lura milli tinvesti fil-qasam edukattiv fl-aħjar interess tat-tfal u tas-soċjeta’.

Agħfas fuq ir-ritratti biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinkisbu mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]