-
-
L-Isqfijiet tal-Istati Uniti kienu minn tal-ewwel li ffirmaw u wegħdu li se jagħmlu l-għalmu tagħhom sabiex tintemm il-piena kapitali.
Kull persuna li ffirmat, wegħdet li teduka, tgħin u titlob sabiex jitneħħa darba għall-dejjem dan il-kastig.
Il-karta tal-wegħda li ffirmaw, tibda bi frażi tal-Papa Franġisku: “Kull Nisrani u kull persuna ta’ rieda tajba huma msejħa biex jiġġieldu mhux biss l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fil-forom kollha tagħha, kemm jekk legali jew illegali, iżda wkoll biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet u jkun hemm rispett għad-dinjità tal-bniedem, li hu mċaħħad mil-libertà.”
Din il-kampanja ta’ għarfien qed tiġi organizzata mill-Catholic Mobilizing Network.
“Il-piena tal-mewt tirrappreżenta l-falliment tas-soċjetà tagħna biex taqdi l-bżonnijiet tad-dinjità tal-bniedem, kif jixhdu l-159 persuna li ġew eżonerati minħabba l-innoċenza tagħhom sa mill-1973,” kitbet l-organizzazzjoni fuq il-karta tal-iffirmar.
Tikkwota l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, il-Catholic Mobilizing Network żiedet tgħid “Mhil-piena tal-mewt li żżomm is-sigurtà pubblika, iżda hu l-kastig, li jikkorrispondi mal-kundizzjonijiet għall-ġid komuni u konformi mad-dinjità tal-persuna.”
F’dawn l-aħħar 40 sena, minn meta fl-Istati Uniti reġgħet iddaħħlet il-piena tal-mewt, skont il-Catholic Mobilizing Network, inqatlu 1,400 persuna.
“Min-natura tiegħu, il-proċess tal-piena kapitali jista’ jkun ta’ trawma għall-familji tal-vittmi u jtellef l-opportunità għall-fejqan u r-rikonċiljazzjoni, hekk kif mitluba minn Ġesù Kristu”, temmet tgħid l-organizzazzjoni Amerikana.