L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi ċċelebra Quddiesa għall-istudenti tas-Seminarju li rċevew il-Griżma tal-Isqof matul l-2019. Għall-quddiesa li saret is-Sibt 11 ta’ Jannar 2020, kienu mistiedna wkoll il-ġenituri u l-parrini ta’ dawn l-adolexxenti.
L-Isqof Galea-Curmi ħeġġeġ lill-istudenti biex ikomplu jieħdu ħsieb il-formazzjoni tagħhom billi jattendu fi gruppi li għandhom l-għan li jedukaw fil-fidi. Ħeġġiġhom jibnu relazzjoni ma’ Ġesù permezz tat-talb u jitolbuh sabiex jurihom xi jrid minnhom fil-ħajja tagħhom. Ħeġġiġhom ukoll biex jibqgħu jattendu għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-Ħadd, anki jekk iċ-ċirkustanzi tal-lum mhux dejjem jgħinu biex dan isir.
Wara l-quddiesa, l-Isqof Awżiljarju ltaqa’ u tkellem ma’ dawk preżenti b’mod informali waqt riċeviment żgħir li kien organizzat.