L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi kien mistieden iżur wieħed mill‑flats f’Villa Papa Giovanni, fid‑Dar tal‑Providenza, is‑Siġġiewi, fejn sar xogħol kbir ta’ rinovar biex ir‑residenti jkollhom ambjent aktar dinjituż fejn jgħixu. Huwa kellu wkoll l‑opportunità jqaddes quddiesa lir‑residenti u l‑ħaddiema tad‑Dar.
Fost ix‑xogħlijiet li saru kien hemm xogħol strutturali biex kull resident ikollu kamra tal‑banju ma’ kamartu, tibdil fis‑sistema kollha tad‑dawl u xogħol li jħares is‑saħħa u s‑sigurtà tar‑residenti.
Fl‑omelija tiegħu, l‑Isqof Galea-Curni qal: “Id‑Dar tal‑Providenza hija d‑dawl tal‑Knisja f’Malta għaliex tassew qed tgħix il‑kliem ta’ Ġesù, ‘Intom id‑dawl tad‑dinja’. Id‑Dar hija wkoll dawl għas‑soċjetà Maltija għax turi li l‑ħajja ta’ kull persuna għandha valur kbir quddiem Alla”.
Fr Martin Micallef, id‑Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, qal li x‑xogħol li sar juri l‑impenn tad‑Dar biex tkompli ttejjeb il‑kwalità tas‑servizzi tagħha b’ambjent xieraq li jirrispetta wkoll il‑privatezza u l‑għażliet tar‑residenti. Hekk kif jitlesta x-xogħol f’dan il-flat, se jiġi rinnovat flat ieħor u hu ppjanat li jitlesta sa tmiem din is‑sena.
Fr Martin irringrazzja lill‑ħaddiema kollha li ħadmu fuq dan il‑proġett, lill‑Perit John Papagiorcopulo u lill‑Inġinier Joseph Cuschieri tas‑servizzi professjonali tagħhom, lil diversi kumpaniji li għenu fil‑proġett u mhux l‑inqas lill‑poplu Malti u Għawdxi għall‑appoġġ kontinwu tiegħu.