Mark Miruzzi u Giulia Buhagiar huma ż-żewġ żgħażagħ Maltin li attendew għal konferenza ta’ ġimgħa bl-isem ta’ MED24 organizzata f’Tirana l-Albanija mill-Knisja Kattolika. Għal din il-konferenza pparteċipaw 50 żagħżugħ u żagħżugħa mill-pajjiżi tal-Mediterran biex jindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet tar-reġjun Mediterranju.
Matul il-laqgħat iddiskutew diversi temi fost il-paċi, id-djalogu interreliġjuż u kulturali id-dinjità umana kif ukoll il-migrazzjoni. Bil-motto “Pellegrini tat-tama, bennejja tal-paċi” ssuġġerit mill-Arċidjoċesi ta’ Tirana-Durazzo, MED24 kompla bis-sejħa tal-Papa Franġisku biex jinbnew iktar pontijiet ta’ djalogu bejn reliġjonijiet u kulturi differenti fil-Mediterran.
F’filmat li bagħat il-Papa Franġisku qal li l-paċi ma tiġix mix-xejn iżda trid tinbena mill-bnedmin. Hu ħeġġeġ biex il-Mediterran ikun magħqud fid-diversità tiegħu, u li l-Baħar Mediterran jibqa’ l-pont li jgħaqqad il-pajjiżi tal-madwar.
L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi kien preżenti għal din il-konferenza u qal li qed jaraw li l-Mediterran ikun “jirrispetta l-ħajja u mhux ċimiterju” b’referenza għal tant immigranti li tilfu ħajjithom huma u jivjaġġaw lejn l-Ewropa għal futur aħjar.
Magħhom ingħaqdu wkoll isqfijiet mill-istess pajjiżi għal jumejn biex ikunu fi djalogu magħhom. Dan sabiex jaraw kif jistgħu jkunu pellegrini tat-tama u jibnu flimkien Mediterran ta’ paċi u mhux ta’ gwerer.
Fuq kollox, l-Isqof Galea-Curmi qal li matul dawn il-jumejn li fihom kien preżenti raw kif il-Mediterran iġib aktar flimkien id-djalogu. Semma’ kif kien fi grupp b’numru ta’ żgħażagħ minn pajjiżi differenti fosthom mill-Ukrajna, Kosovo, Tuneżija, Lebanon, Montenegro, l-Albanija, Georgia u oħrajn.
Waqt iż-żjara fl-Albanija, l-Isqof iltaqa’ mal-Maltin li qed jaħdmu f’dan il-pajjiż, żewġ patrijiet Dumnikani u erba’ membri tal-MUSEUM.
Sors: Newsbook.com.mt – Artiklu miktub minn Luke Vella