-
-
L-Istat Iżlamiku qered il-moskea l-antika ta’ al’Nuri f’Mosul fl-Iraq, wirt storiku ieħor fil-pajjiż. Il-moskea hi popolari għat-torri mxengel tagħha.
Skont il-Ministru Iraqi tad-Difiża, l-Erbgħa filgħaxija, membri tal-grupp terroristiku daħlu fil-moska u poġġew għadd ta’ splussiv.
Kmieni l-Ħamis filgħodu, fuq Twitter, il-Prim Ministru Iraqi qal li dan l-attakk hu ammissjoni tal-grupp Iżlamiku li qed jitlef il-ġlieda fit-tieni l-akbar belt fl-Iraq.
Il-moskea, magħrufa wkoll bħala l-Moskea l-Kbira ta’ Mosul, hi l-post fejn il-mexxej tal-Istat Iżlamiku, Abu Bakr al-Baghdadi, fl-2014 kien ħabbar it-twelid tal-grupp terroristiku, wara li l-belt ta’ Mosul waqgħet f’idejn il-militanti.
It-torri tal-moskea, jixbah lil dak ta’ Pisa, u kien ilu f’dik il-pożizzjoni għal aktar minn 840 sena.