L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ġesù kellu diversi diżappunti fil-ħajja. U f’dan l-Evanġelju hawn aktar minn diżappunt wieħed. L-ewwel wieħed hu meta kien qed ikellem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom minn xiex kien se jgħaddi: li se jgħaddi minn tbatija kbira, joqtluh, u wara tlett ijiem iqum mill-mewt. U r-reazzjoni tagħhom kienet li d-dixxipli “ma fehmhux” (Mk 9:32). L-Evanġelju jgħid: ma fehmuhx, imma wkoll beżgħu jistaqsuh.
Imma d-diżappunt kien ikbar għal Ġesù meta hu ntebah li waqt li hu kien qed jgħidilhom b’dak li kien se jgħaddi minnu, huma fuqiex kienu qegħdin jitkellmu? “Fuq min kien l-akbar” (Mk 9:34). U għalhekk, meta Ġesù staqsiehom “x’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?” (Mk 9:33), l-Evanġelju jgħid li “baqgħu siekta” (Mk 9:34). L-ewwel beżgħu jistaqsuh, u hawn beżgħu jweġbuh. Kien diżappunt kbir għal Ġesù il-fatt li huma kienu qegħdin jitkellmu fuq xi ħaġa li kienet eżattament il-kontra ta’ dak li kien qed jgħid Ġesù. Hu jitkellem fuq kif se jagħti lilu nnifsu bl-akbar imħabba, u huma jitkellmu fuq min kien l-akbar fosthom, min kien se jkollu d-dominanza, is-supremazija.
Jibdel id-diżappunti
Nafu li Ġesù ried jibdel dawn id-diżappunti tiegħu f’tagħlim lid-dixxipli. U għalhekk jgħidilhom li min irid “ikun l-ewwel wieħed għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd” (Mk 9:36). Hu hekk għamel kontinwament f’ħajtu, u baqa’ jwassal dan il-messaġġ sal-aħħar – niftakru meta fl-Aħħar Ċena niżel jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu u jgħidilhom li hekk għandhom jagħmlu huma wkoll, bħall-Imgħallem tagħhom.
Dan kollu x’jgħid lilna fil-ħajja tagħna? L-ewwel nett, aħna kultant jiġrilna eżatt bħalma ġralhom id-dixxipli – jiġifieri li Ġesù jitkellem fuq ħaġa u aħna nirraġunaw il-kontra. Ġesù jitkellem fuq is-sinċerità fil-kliem tagħna, u kultant aħna nitkellmu bil-gideb jew bil-qerq. Ġesù jitkellem fuq il-maħfra, u aħna kultant nitkellmu bi spirtu ta’ vendikazzjoni. U proprju fuq dan li jsemmi fl-Evanġelju, Ġesù jitkellem fuq li nkunu qaddejja, u kultant aħna f’qalbna jkollna li rridu nkunu l-aqwa, l-aħjar, l-akbar, l-iktar importanti, u naraw lill-oħrajn taħtna. Li nkunu dominanti u superjuri fuq l-oħrajn.
Dominanza u supremazija
Għalhekk huwa tajjeb li aħna neżaminaw il-ħajja tagħna u naraw fejn qed nirraġunaw differenti minn Ġesù. Ħa nsemmi eżempju li hu marbut mal-festi tagħna reliġjużi. Fittxu fuq il-Youtube – mhux issa fil-knisja imma wara – il-kelma “dominanza”. U taraw li l-kelma tagħtikom mal-ewwel diversi marċi ta’ baned waqt festi reliġjużi f’postijiet differenti f’Malta. Agħmluha “dominanza assoluta”, u ssibu l-istess. Iktbu “supremazija”, u ssibu l-istess. Agħmluha “supremazija assoluta”, u terġgħu ssibu marċi ta’ baned waqt festi f’postijiet f’Malta.
Tindunaw kemm dan hu eżatt il-kontra ta’ dak li jgħid Ġesù. Hu ma jridx dominanza jew supremazija, wisq anqas dominanza assoluta jew supremazija assoluta. Hu sabiħ li jkollok marċi fil-festi reliġjużi li jferrħu, li joħolqu atmosfera sabiħa għal kulħadd, imma tifraħ ifisser li tieħu pjaċir, li trid lill-oħrajn jiċċelebraw u jieħdu pjaċir miegħek, mhux li tqiegħed lill-oħrajn taħtek u int aqwa minnhom, mhux li tiddomina fuq l-oħrajn jew taħseb li għandek turi supremazija fuqhom. Jekk naħsbu hekk, inkunu qed nirraġunaw il-kontra ta’ dak li jrid Ġesù.
Għalhekk hu importanti li niftħu qalbna għal dal-kliem ta’ Ġesù, li nħalluh jibdel lil ħajjitna biex tkun tassew fl-istil ta’ Ġesù u nkunu qaddejja. Dan jgħinna biex negħlbu kull tip ta’ arroganza u prepotenza. Ma nħarsux lejn l-oħrajn biex naraw kif se ninqdew bihom imma kif se naqduhom, ma nittrattawx lill-oħrajn bħal staffa biex ngħaddu fuqha imma naraw kif se nkunu ta’ servizz għalihom. U nagħmlu dan bl-akbar imħabba.
Qaddejja fit-tajjeb
Hu importanti li l-kelma “qaddejja” wkoll nifhmuha kif uriena Ġesù. Kultant nużaw il-kelma “taqdi” b’mod ħażin. Ma għandekx taqdi lil xi ħadd b’serq, jew b’mod korrott, u tgħid li qdejtu biex jikseb xi ħaġa li mhix tiegħu jew b’mod inġust. Assolutament mhux dan it-tip ta’ qadi li jrid minna Ġesù. Naqdu b’mod korrett, biex inkunu ta’ għajnuna għal dak li hu sewwa u xieraq.
Ukoll kultant hemm l-idea li tkun qaddej ifisser li tibqa’ lura fis-soċjetà, li ma tinvolvix ruħek. Imma aħna għandna nieħdu sehem b’mod attiv u nagħtu kontribut fis-soċjetà. Għandna nagħmlu dan fl-għaqdiet, fil-kunsilli lokali, fil-politika, fil-ħajja soċjali u ċivili. Jekk aħna sempliċiment nibqgħu barra jew noqogħdu ’l bogħod minn dawn, inkunu żbaljati. Kulma nkunu qegħdin nagħmlu hu li noħolqu spazju li jista’ jimtela minn min ma jkollux valuri umani u ma jidħolx biex iservi. Għandna nieħdu sehem b’mod attiv, basta nagħmlu dan biex inkunu tassew ta’ servizz għall-oħrajn u dan ikun dejjem l-ispirtu li jmexxina.
It-tfal żgħar jgħallmuna
Fl-aħħar tas-silta tal-Evanġelju tal-lum, Ġesù jressaq lejh tfajjel ċkejken, iħaddnu miegħu jgħid: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili imma lil dak li bagħatni” (Mk 9:37). Ġesù qed jgħid biex liċ-ċkejknin mhux niddominawhom jew b’xi mod naħsbu li aħna għandna supremazija fuqhom, imma nilqgħuhom b’imħabba, nagħmluhom parti mill-komunità, u meta jkollna dan l-ispirtu li nilqgħu, iċ-ċkejknin stess ikunu qed jgħallmuna ngħixu l-kliem ta’ Ġesù li nkunu qaddejja u nkunu qed ngħinu lilhom biex jikbru f’dan l-ispirtu ta’ qaddejja.
Nitolbu lill-Mulej Ġesù biex inkunu tassew dixxipli tiegħu u din il-kelma tiegħu tidħol f’qalbna u tgħinna biex fil-ħajja tagħna u f’kull ħidma li jkollna ngħixu b’dan l-ispirtu ta’ qaddejja kif għallimna u wriena hu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju