-
Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA), filwaqt li tirrikonoxxi l‑utilità tal‑istudju dwar l‑Industrija tal‑Bini li se jsir mill‑Assoċjazzjoni tal‑Iżviluppaturi Maltin (MDA), tisħaq li l‑Gvern u l‑awtoritajiet kompetenti, inkluża l‑Awtorità tal‑Ippjanar, xorta għandhom jieħdu l‑inizjattiva biex iniedu huma stess studju nazzjonali dwar il‑propjetà, kif inhuma fid‑dover li jagħmlu. Dan biex l‑istudju jmur lil hinn mill‑interessi li jista’ jkollha xi sezzjoni partikulari tas‑soċjetà Maltija, b’mod li jiġi kkunsidrat kull aspett li jeffettwa l‑kwalità tal‑ħajja tal‑poplu kollu. B’dan il‑mod biss dan l‑istudju jista’ jkun għodda valida għat‑twettiq tal‑Pjan Strateġiku dwar l‑Ambjent u l‑Iżvilupp (SPED), u t‑tfassil u t‑twettiq tal‑Pjanijiet Lokali.
Il‑KA tfakkar li f’Diċembru 2015, wara l‑pubblikazzjoni tal‑enċiklika Laudato Si’, kienet ippreżentat għadd ta’ proposti lill‑awtoritajiet ċivili u tal‑Knisja bil‑għan li jservu ta’ pedament għat‑tfassil tal‑policies għall‑ġejjieni tal‑pajjiż, jekk tassew irridu l‑ġid għal pajjiżna, u għal din id‑dar komuni tagħna li hija d‑dinja. Fost dawn kien hemm din il‑proposta:
Nistiednu lill‑Gvern biex jalloka fondi għal studju dwar id‑domanda u l‑provvista tal‑propjetà f’Malta u l‑ambjent ekonomiku u fiskali li jaffettwa l‑propjetà. Ilu jinħass il‑bżonn ta’ dan l‑istudju li għandu jkun wieħed tassew nazzjonali. Għandu jkun hemm konsultazzjoni pubblika dwar it‑terms of reference ta’ dan l‑istudju u li dawn ikunu maqbula minn firxa l‑iktar wiesgħa ta’ stakeholders.[1]
Il‑KA tenniet dan l‑appell għal diversi drabi, fosthom f’ittra li hija kitbet lill‑Gvern qabel id‑diskors tal‑Baġit 2017; iżda l‑Kummissjoni baqgħet ma semgħet xejn.
Il‑KA hija kemmxejn sorpriza illi ftit ġimgħat biss wara li l‑President tal‑Assoċjazzjoni tal‑Iżviluppaturi Maltin (MDA) kien iddikjara fuq programm tar‑radju li studju bħal dan m’hemmx bżonnu[2], issa, l‑istess MDA kkummissjonat studju li se jsir mill‑KPMG biex jindirizza ftit mill‑aspetti li l‑KA temmen li studju bħal dan għandu jittratta.
Il‑KA temmen li l‑fatt li qed isir dan l‑istudju mill‑KPMG hu pass pożittiv, għaliex filwaqt li wieħed ma jistax ibassar mija fil‑mija dak li hemm fil‑futur, tkun bluha jekk nieħdu deċiżjonijiet bl‑addoċċ fi kwistjonijiet li għandhom impatt daqshekk deċiżiv fuq l‑ispazju limitat ta’ pajjiżna. Filwaqt li kuntrattur jew żviluppatur hu liberu jirriskja b’ġidu meta jinvesti – għax qed jagħmel dan b’ġidu u b’għażla tiegħu – pajjiżna ma jiflaħx ikompli jġorr il‑piż ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni rikonoxxuti falluti (jew kif qegħdin insejħulhom issa “mhux sostenibbli”) minn min kien responsabbli għalihom.
Ladarba jidher ċar l‑entużjażmu tal‑Gvern għat‑tnedija ta’ dan l‑istudju, il‑KA temmen li kellu jkun hu stess, permezz tal‑awtoritaijiet rikonoxxuti fil‑pajjiż, li jniedi dan l‑istudju .
Minħabba li l‑promotur tal‑istudju huwa s‑settur privat, hemm riskju li l‑istampa aħħarija li toħroġ bħala riżultat tal‑istess studju ma tkunx ħolistika biżżejjed biex jittieħdu deċiżjonijiet fuq livell nazzjonali, kemm mill‑Gvern kif ukoll minn entitajiet bħall‑Awtorità tal‑Ippjanar. Dan għas‑sempliċi raġuni li l‑istudju jista’ jkun qed iwieġeb biss għal dak mitlub minn min ikun ikkummissjonah. Hekk jagħti x’jifhem ukoll id‑diskors tat‑tnedija mill‑President tal‑MDA, li qal li l‑assoċjazzjoni xtaqet li tagħmel dan l‑istudju “sabiex nissostanzjaw dak li aħna dejjem ħsibna”[3] kif ukoll “se nkunu qegħdin neżaminaw l‑eżitu ta’ dan l‑istudju, ħalli l‑policies u l‑proposti anke li tagħmel l‑MDA fost stakeholders oħra, jkun iktar possibbli, u inti (Prim Ministru) tkun iktar komdu tifhem eżattament għal xiex qegħdin nipproponu ċerti policies.”[4]
L‑atteġġament li wieħed diġà jaf x’ser ikunu qed juru r‑riżultati ta’ studju qabel ma dan ikun twettaq ma tantx hu awgurju sabiħ. Dan il‑fenomenu (li, nagħmluha ċara, mhux xi ħaġa tal‑lum) ilu jinkwieta lill‑KA sa mit‑twaqqif tagħha fl‑2003, u kif juru l‑fatti, qatt ma ddejqet tkun ċara dwar dan kull meta kien hemm bżonn. Għalhekk, hu importanti li min jinterpreta r‑riżultati jagħmel dan b’mod oġġettiv u bla preġudizzji. Inkella ma jkun sewa xejn li l‑istudju jkun inħadem b’mod xjentifiku u rigoruż.
Il‑KA dejjem saħqet li ma tistax tibbaża l‑iżvilupp ta’ poplu sempliċiment fuq kemm l‑ekonomija sejra tajjeb, mingħajr ma tikkunsidra il‑ħtiġijiet soċjali u ambjentali kollha, u kif dawn jiġu effettwati bid‑deċiżjonijiet li jittieħdu. Għalhekk hija tqis perikoluż ħafna li wieħed jgħid “irridu li dak li nagħmlu nagħmluh b’ċerta sostenibbiltà u b’ċerta responsabbiltà”[5] waqt li jirreferi għall‑industrija tal‑bini bħala s‑sinsla tal‑ekonomija Maltija. Il‑KA tistaqsi: Għaliex “ċerta” sostenibbiltà?
“Li ngħixu ħajja sostenibbli m’għadhiex aktar għażla, imma hi neċessità. Ikun żball jekk nibqgħu nippromovu stili ta’ ħajja jew inkella nippermettu żvilupp li jipperikolaw il‑wirt komuni sabiex ma nurtawx l‑interessi personali ta’ xi individwi jew ta’ xi gruppi partikolari”[6]. Għalhekk “meta wieħed joħlom li jagħmel xi ħaġa”[7], għandu qabel xejn iżomm quddiem għajnejh il‑ġid komuni, u allura l‑limitazzjonijiet li għandu pajjiżna. Ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn l‑industrija tal‑bini bħallikieku hi l‑unika industrija li qed issostni l‑ekonomija ta’ pajjiżna. Irridu nqisu l‑impatt li t‑telf ta’ spazju u l‑istil ta’ binjiet li qed jinbnew qed iħallu fuq il‑kwalità tal‑ħajja tal‑Maltin kollha u fuq industriji oħrajn.
Għal darb’oħra, “L‑appell tal‑KA hu sabiex pajjiżna jitgħallem mill‑passat li ġarrab, u jimpenja ruħu sabiex ikun żgurat ġejjieni sostenibbli, fejn il‑kwalità tal‑ħajja ma titkejjilx mill‑profitti imma mis‑sens ta’ ġustizzja, mir‑rispett lejn il‑persuni u l‑ħolqien ta’ madwarhom, u mis‑solidarjetà li tħares lejn il‑ġid ta’ pajjiżna bħala l‑wirt li rċevejna aħna u dawk li ġejjin warajna.”[8]
_______________________
[1] Laudato Si’ – Mid-Dokument għall-Azzjoni – Konferenza organizzata mill-KA 4/5 ta’ Diċembru 2015
[2] Recording tal-programm tista’ tinstema’ minn fuq: http://rtk.com.mt/mt/posts/64226/dritt-ghall-punt—16112016
[3] Sandro Chetcuti, President MDA – Diskors Inawgurattiv – 13 ta’ Jannar 2017.
[4] Ibid.
[5] Ibid.
[6] Pajjiżna ma jiflaħx aktar għal żvilupp li mhux sostenibbli – Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent – 15 ta’ Ottubru 2013.
[7] Sandro Chetcuti, President MDA – Diskors Inawgurattiv – 13 ta’ Jannar 2017.
[8] Pajjiżna ma jiflaħx aktar għal żvilupp li mhux sostenibbli – Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent – 15 ta’ Ottubru 2013.