Għeżież tfal, kif intom?
Arċisqof: Bħalissa qiegħdin fiż-żmien tar-Randan. Min jaf jgħidli x’inhu r-Randan għalina?
Tifel: Ir-Randan huwa żmien ta’ ħsieb,talb u għajnuna lil min hu fil-bżonn.
Tifla: Huwa żmien fejn nagħmlu xi sagrifiċċju, jiġifieri nnaqsu xi ħaġa milli nħobbu ħalli nikkontrollaw iktar lilna nfusna.
Tifel: Iż-żmien tar-Randan huwa żmien fejn aħna nippreparaw għal meta Ġesù qam mill-mewt għalina biex isalvana.
Arċisqof: Tajjeb! Hekk hu tfal…
It-Talb
Arċisqof: Dan iż-żmien huwa tajjeb biex nindunaw kemm Ġesù Kristu jħobbna tassew. Waħda mill-aktar affarijiet biex aħna lil Ġesù nħobbuh iktar huwa billi f’dan iż-żmien nitolbu iktar.
Għal xiex għandi nirringrazzjah lil Ġesù?
Tifel: Dan huwa ħin fejn jiena lil Ġesù nkellmu u ngħidlu grazzi talli tani nies li jieħdu ħsiebi,
Tifla: Ngħidlu grazzi talli għandi x’niekol, post fejn noqgħod u skola biex nitgħallem.
Tifel: Għandi nirringrazzjah ukoll talli tani nies li jħobbuni, fosthom il-ġenituri tiegħi jew dawk li jieħdu ħsiebi, il-katekisti li nitgħallem mingħandhom u l-qassis fil-quddiesa fejn immur.
Tifla: Nista’ lil Ġesù fit-talb tiegħi ngħidlu sorry talli forsi ma ġibtx ruħi tajjeb l-iskola, jew id-dar, jew talli jiena ġġilidt mal-ħbieb tiegħi.
Arċisqof: Tajjeb! Dawn kollha nista’ ngħidhom lil Ġesù fit-talb tiegħi!
Darba lil Ġesù wkoll staqsewh kif għandhom jitolbu. U Ġesù qalilhom it-talba sabiħa tal-Missierna. Din hija talba li nitolbu fil-quddiesa, imma din nistgħu nitolbuha wkoll meta nkunu waħedna. Tinsewx tfal li l-Quddiesa hija l-isbaħ talba li nista’ nitlob, għaliex inkunu miġbur ma’ Nsara oħrajn u li flimkien nistgħu ukoll nirċievu l-Ġisem ta’ Ġesù fit-tqarbin. Għandna wkoll talba lil Marija, it-talba tar-Rużarju li hija talba sabiħa ħafna, li nħajjarkom titolbuha ta’ spiss.
Lil Ġesù nista’ nitolbu wkoll wara li nkun qrajt xi storja mill-Bibbja. B’hekk lil Ġesù nkun qiegħed inkellmu fuq kif dik l-istorja tista’ tgħinni nkun Nisrani aħjar. Fl-aħħar, meta nkun id-dar, qabel norqod inħajjar lil ġenituri tiegħi biex nitolbu flimkien bħala familja.
Tfal, meta nitolbu, ma nitolbux ngħaġġlu, jew inkunu moħħna f’xi ħaġa oħra, imma biex ninġabru nistgħu nagħlqu għajnejna u nitolbu fis-skiet – għaliex hemm inkunu verament lil Ġesù qegħdin inkellmuh bil-qalb.
Il-Karita’
Tfal, aħna fil-bidu semmejna li nistgħu ngħidu grazzi lil Ġesù talli għandna x’nieklu, u fejn noqogħdu u talli għadna nies li jieħdu ħsiebna. Tafu li hawn tfal bħalkom li m’għandhomx fejn joqogħdu, jew m’għandhomx ċans li jitgħallmu bħalkom? Tajjeb nindunaw li Ġesù meta kien fid-dinja qalilna biex lil dawn in-nies ngħinuhom mill-aħjar li nistgħu. Ġesù semma’ l -kelma nagħtu Karita’ – x’taħsbu li tfisser din il-kelma?
Tfal: Karita’ tfisser li aħna għadna nagħtu minn dak li għandna – għaliex nafu li Alla tana ħafna affarijiet.
Tifel: Karita’ bħal pereżempju nagħtu xi ħaġa tal-flus li faddalna fil-money box tagħna lil min hu fqir.
Tifla: Jew nagħtu biċċa mill-lunch tagħna lil min ma setax iġib miegħu l-iskola. Dawn kollha huma affarijiet li nistgħu nagħmlu Karita’ mat-tfal daqsna.
Arċisqof: Darba Ġesù kien fit-Tempju ta’ Ġerusalemm u meta jidħlu n-nies kienu jagħtu offerta, kienu jagħtu flus fil-kaxxa tal-offerti. Kien hemm nies li bdew jitfgħu ħafna flus – imma Ġesù ra mara li kien mitilha r-raġel tagħha u din kienet fqira ħafna u kulma tat kienu żewġ ċenteżmi żgħar. U Ġesù qal: Dawk in-nies taw miż-żejjed tagħhom imma din il-mara mill-faqar tagħha tat milli kellha biex tgħix.
X’nitgħallmu minn din l-istorja tfal?
Tifel: Minn din l-istorja nitgħallmu li dejjem għandna nagħtu minn dak li għandna u mhux miż-żejjed tagħna.
Arċisqof: Prosit (Isem it-tifel/tifla) – dik verament tkun il-Karita.’
Mela tfal, ejjew nippreparaw tajjeb billi f’dan iż-żmien tar-Randan, l-ewwel ħaġa hija li nitolbu iktar ta’ spiss lil Ġesù u t-tieni ħaġa hija li nagħtu Karita’ mill-Qalb. Ġesù jkun żgur kuntent ħafna bina.
U tfal, tinsewx titolbu għalija meta tkunu qegħdin titkellmu ma’ Ġesù.
Nagħtikom il-Barka tiegħi fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen
✠ PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
Punti għad-Diskussjoni flimkien mat-tfal
1) Xi jfisser ir-Randan għalik?
2) Għaliex it-Talb huwa importanti iktar mis-soltu f’dan iż-żmien qaddis?
3) Kif nistgħu nitolbu?
4) X’inhuma dawk l-affarijiet li jgħinuna nitolbu?
5) Xi tfisser il-Kelma Karita’?
6) L-Arċisqof fakkarna fl-istorja ta’ mara li kienet fqira imma tat kulma kellha. X’nitgħallmu minn din l-istorja?
7) X’tgħallimet minn din l-Ittra li l-Arċisqof kiteb għalik?