• L-Erbgħa 8 ta’ Lulju 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, mexxa l-Quddiesa tal-funeral ta’ missieru, is-Sur Emanuel Scicluna. Il-funeral sar fil-knisja parrokkjali ta’ San Bastjan, Ħal Qormi.

    L-Omelija tal-Arċisqof

  • Nemmen f’Ġesù, nagħraf lill-Missier, nitfarraġ fl-Ispirtu s-Santu

    Nemmen f’Ġesù

    « Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll » (Ġw: 14, 1).
    L-istedina ta’ Ġesù tinfed il-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna mnikktin kif aħna għat-telfa tal-għażiż papà Emanuel.
    « Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll » (Ġw: 14, 1).
    Il-preżenża tagħna madwar il-fdalijiet mortali tal-Papà, f’dan it-tempju ddedikat ’il Alla taħt it-titlu ta’ San Sebastjan Martri, hija att ta’ rispett, bla dubju, iżda hija wkoll att ta’ fidi f’Ġesù.
    Iva aħna nemmnu f’Ġesù, il-mastrudaxxa ta’ Nazaret, bin Marija mart Ġużeppi l-mastrudaxxa.
    Aħna nemmnu f’Ġesù, li wara żogħżija ta’ xogħol fil-ħanut ta’ Ġużeppi u għal rasu, tgħammed minn kuġinuh, Ġwanni bin Żakkarija, fil-Ġordan, u ħareġ ixandar is-saltna ta’ Alla, isejjaħ għall-indiema, jgħallem bis-setgħa u bil-parabboli, ifejjaq il-morda, u jkeċċi x-xjaten. Nemmnu f’Ġesù li beka quddiem il-mewt tal-ħabib tiegħu Lazzru u li ħass għat-tifla mejta ta’ Ġajru u għall-iben mejjet tal-armla ta’ Najn. Fuq il-muntanja Tabor ġie trasfigurat u sar jgħammex bi bjuda tal-għaġeb hu u kien jitkellem ma’ Mosè u ma’ Elija quddiem l-appostli xhieda, Pietru, Ġakbu u Ġwanni. Nemmnu f’Ġesù li ġie akkużat bla ħtija, ġie kkundannat għall-mewt, sallbuh, miet u difnuh, u fit-tielet jum qam mill-imwiet. Kif qal San Pietru: « F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi » (Atti: 4,12).

    Nemmnu tassew f’Ġesù li tana din il-wegħda kbira u ta’ faraġ:

    « Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll » (Ġw: 14, 2-3).
    Din il-wegħda llum seħħet ukoll għall-Papà. Seħħet għalih l-ikbar barka: 
    « Missier, waslet is-siegħa; agħti glorja lil Ibnek biex l-Iben jagħti glorja lilek, bħalma int tajtu s-setgħa fuq kull bniedem biex jagħti l-ħajja ta’ dejjem lil dawk kollha li inti fdajtlu. Din hi l-ħajja ta’ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt » (Ġw: 17, 1-3).
    Nagħraf lill-Missier
    Iva, din hi il-ħajja ta’ dejjem: li nagħrfu lil Alla l-Missier u lil Ġesù Kristu!
    U Ġesù jgħid : « Min ra lili ra lill-Missier » (Ġw: 14,9).
    Nirringrazzjawk Mulej, talli inti tgħarrafna lilek innifsek f’Ibnek Ġesù l-Mastrudaxxa ta’ Nazaret.
    Nirringrazzjawk ukoll illum tad-don sabiħ tal-paternità li inti sawwabt fid-dinja fil-misteru tal-ħolqien.
    Jiena u ħuti nirringrazzjawk ta’ missierna Emanuel, żewġ ommna Maria Carmela. Permezz tiegħu u tagħha inti sejjaħtilna fl-eżistenza, tajtna d-don tal-ħajja. Huma laqgħu bil-qalb u bil-ferħ il-vokazzjoni sublimi li jkunu missier u omm.
    Kif jgħid tant tajjeb il-Ktieb ta’ Bin Sirak:
    « Weġġaħ lil missierek b’qalbek kollha, 
    u tinsiex uġigħ il-ħlas ta’ ommok.
    Ftakar li kienu huma li ġibuk fid-dinja; 
    biex se tħallashom għal dak li tawk? » (Sir: 7, 27-28).
    Nirringrazzjawk Mulej ta’ Missierna, Leli l-mastrudaxxa minn Ħal Qormi, li bl-imħabba tiegħu uriena raġġ sabiħ tal-imħabba tiegħek għalina. Bis-sengħa u l-bżulija tiegħu, fuq kollox, bil-fidi sempliċi u soda tiegħu li ħa mingħand in-Nanna Nina u n-Nannu Karmnu, qarribna lejn Ibnek, l-« Immanuel », il-Mastrudaxxa ta’ Nazaret, is-Salvatur tad-dinja.
    Nirringrazzjawk Mulej talli wissejtna kemm-il darba permezz tal-id soda tal-Papà, u llum ukoll twissina u tedukana bil-mewt tiegħu.

    Kif tgħid l-Ittra lil-Lhud:

    « Hu għall-edukazzjoni tagħkom li intom qegħdin tbatu. Alla qiegħed jimxi magħkom ta’ wlied. Min hu dak l-iben li missieru ma jwiddbux? Jekk intom tibqgħu bla twiddib, bħalma kellhom l-ulied kollha, intom tkunu qiskom tfal ta’ ħaddieħor, mhux ulied. Barra minn dan, aħna kellna wkoll missirijietna tal-art; kienu jwiddbuna, u aħna konna nweġġħuhom. Mela kemm aktar għandna noqogħdu taħt il-Missier tas-sema, biex ikollna l-ħajja. Dawn kienu jwiddbuna kif kien jidhrilhom huma, għal ftit żmien; imma Alla jwiddibna għall-ġid tagħna, biex aħna niksbu sehem fil-qdusija tiegħu » (Lhud: 12, 7-10).

    Fuq kollox nirringrazzjawk, Mulej, tal-ferħ li jdakkar li kien inissel fostna l-Papà! Nirringrazzjawk tar-rakkonti ripetuti dwar l-esperjenzi tiegħu bħala r-raba’ tifel fost erbatax-il aħwa, l-ewwel esperjenza tax-xogħol meta kellu biss disa’ snin, il-bidu tas-sengħa tax-xogħol fl-injam ma’ ħu missieru, iz-Ziju Kalċ, l-avventuri u l-praspar bħala emigrant ġuvni l-Kanada, il-barka fiż-żwieg mal-Mamà, il-bidu tal-intrapriża ċkejkna tiegħu li ratu jsir ħaddiem tas-sengħa li jgħallem u jħaddem nies tas-sengħa kemm fi proġetti ambizzjużi għall-pajjiż, kif ukoll fis-servizz ta’ tant familji. L-esperjenza tal-Papà kienet u tibqa’ skola għalina: skola prezzjuża u għażiża.

    Kif tfakkarna tant tajjeb l-Iskrittura:

    «  Ħares, ibni, ordnijiet missierek, 

    u twarrbux tagħlim ommok.

    Huma jmexxuk fil-mixi tiegħek, 

    iħarsuk meta tkun rieqed, 

    ikellmuk meta tqum.

    Għax l-ordni musbieħ u l-liġi dawl, 

    u t-twiddib tat-tagħlim hu t-triq tal-ħajja » (Prov: 6, 20. 22-23).

    Nitfarraġ fl-Ispirtu s-Santu
    Jekk illum hemm faraġ għalina, dan ġej mid-don tal-Ispirtu s-Santu li jdawwal il-qlub tagħna bħala wlied ta’ missier eżemplari u bħala wlied addottivi tal-Missier tas-Sema.
    Kif smajna fit-Tieni Qari:

    « Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. 

    Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu tal-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, 

    imma rċevejtu l-Ispirtu tal-adozzjoni ta’ wlied Alla, 

    li bih aħna ngħajtu, ‘Abbà! Missier!’ 

    Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. 

    Imma jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta: 

    werrieta ta’ Alla, u werrieta flimkien ma’ Kristu; 

    għax jekk naqsmu miegħu fit-tbatija, naqsmu miegħu wkoll fil-glorja. 

    Jiena għandi l-fehma sħiħa li t-tbatijiet ta’ issa 

    m’għandhom xejn x’jaqsmu mas-sebħ li għad irid jidher fina. » 

    Mulej, Aħna nafdaw lill-Papà f’idejn il-ħniena kbira tiegħek, u nitolbuk twasslu għal wirt li ma jitbielx u li ma jintemmx, għas-sebh li mhux frugħa, għall-glorja u l-mistrieħ ta’ dejjem. 
    Aħna nitolbuk dan kollu b’wiċċna minn quddiem, mhux għall-merti tagħna, iżda għaliex nemmnu tassew fix-Xirka tal-Qaddisin: Infatti aħna nemmnu li « sakemm il-Mulej jerġa’ jiġi fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu (Mt: 25,31) u, bil-qerda tal-mewt, kollox jitqiegħed taħt riġlejh (1 Kor: 15, 26-27), xi wħud mid-dixxipli tiegħu għadhom pellegrini fuq l-art, oħrajn li diġà ħallew din il-ħajja jew qegħdin jissaffew jew diġà qegħdin fis-sebħ u jaraw “ċar ‘l Alla kif inhu fih innifsu, wieħed fi tliet persuni”. Iżda lkoll, min fi grad min f’ieħor, min mod min ieħor, nikkomunikaw fl-istess imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu u wkoll inkantaw  l-istess innu ta’ tifħir lil Alla tagħna.  Għaliex dawk kollha li huma ta’ Kristu għandhom l-istess Spirtu u huma f’xirka waħda fil-Knisja, u fi Kristu huma f’għaqda ma’ xulxin (Ef: 4,16).  Għalhekk l-għaqda ta’ dawk li għadhom pellegrini fuq l-art ma’ dawk li qegħdin fir-raqda tas-sliem fi Kristu bl-ebda mod ma tinqata’, anzi, kif  żammet  minn dejjem il-Knisja, tissaħħaħ bil-komunikazzjoni bejniethom tal-ġid spiritwali » (Lumen Gentium 49).

    Iva, Mulej Ġesù – Immanuel, għażiż mastrudaxxa ta’ Nazaret, aħna nemmnu f’Alla u nemmnu fik! Għalhekk qalbna, għalkemm imnikkta, ma titħawwadx.

    Aħna nemmnu fis-Xirka tal-Qaddisin; fil-maħfra tad-dnubiet; fil-qawma mill-imwiet u fil-ħajja ta’ dejjem. 
    U lill-għażiż Papà:

    Agħtih, O Mulej, il-Mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi lilu, jistrieħ fis-sliem. 

    Ammen.

     Charles Jude Scicluna

       Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Photocity, Valletta.
    www.photocitymalta.com