-
-
27 ta’ Marzu 2015
MCAST, Raħal Ġdid
Grazzi ħafna talli ġejtu llum biex flimkien niċċelebraw din l-Ewkaristija. Kif tafu, il-kelma ‘ewkaristija’ ġejja mill-Grieg li tfisser ‘grazzi’. Jekk tmorru Ateni, tirrealizzaw li biex tgħid thank you bil-Grieg trid tgħid eucaristo. U l-Ewkaristija ġejja propju minn dan l-għerq: li tirringrazzja.
Aħna, hawnhekk, iltqajna fil-bidu solenni ta’ din il-ġimgħa qaddisa. Aħna l-Maltin nantiċipawha ftit b’din il-kommemorazzjoni ta’ mara, mara wieqfa taħt il-forka, taħt is-salib ta’ Binha. U nagħmlu tajjeb! Bħal-lum ġimgħa nikkomemmoraw il-passjoni ta’ Ġesù. Allura x’differenza hemm bejn dak li qed nikkommemoraw illum u dak li se nikkommemoraw bħallum ġimgħa?
Illum, il-focus tagħna huwa propju fuq din l-omm, l-omm li segwit lil Binha sa miċ-ċokon. Meta ppreżentatu fit-tempju kellu erbgħin jum, għax hekk kienet titlob il-liġi, u marret mar-raġel legali tagħha, Ġużeppi. Xmun, dan is-saċerdot li laqagħhom qalilha: “dan għad ikun sinjal li jmeruh u anke lilek sejf jinfidlek ruħek” (Lq 2,34-35). Dan il-kliem Marija ta’ Nazaret semgħatu meta Binha kellu ftit ġimgħat. Kienet diġa semgħat il-kelma li seħħet taħt is-salib għax is-salib huwa, ma ngħidtx il-konklużjoni, imma hemm qegħdin, ta’ konflitt kbir bejn Ġesù u l-kultura kontemporanja tiegħu li rreġġettatu u ċaħditu sal-eliminazzjoni fiżika. Is-salib wara kollox huwa risposta tal-bnedmin għall-proposta ta’ Alla. Hija xi ħaġa li rridu niffaċċjaw f’kull epoka.
Il-Mulej jibagħtna lilna d-dixxipli tiegħu fuq l-istess mudell tal-ħajja tiegħu. Inkunu boloh jekk aħna nippretendu li l-proposta Nisranija se tintlaqa’ dejjem biċ-ċapċip. Iċapċpuhielna forsi, imma mhux bilfors u dejjem iċapċpulna. M’għandniex għalfejn niddejqu jew niskandalizzaw ruħna, daqslikieku wkoll nkunu boloh jekk aħna naħsbu li l-martirju tal-kartapesta għax aħna niċċelebraw festi kbar għall-martri. Jien trabbejt Ħal Qormi, San Ġorġ u San Bastjan, żewġ martri kbar. Imma dawk tat-tielet seklu. U dawk il-21 Nisrani li nqatlu għax Insara fuq ix-xtut tal-Mediterran ix-xahar li għadda, x’inhuma? Fihom u fil-mewt tagħhom tremenda, evidentement traġika, hemm ukoll dan il-konflitt bejn il-proposta li hija l-fidi f’Ġesù u r-reazzjoni vjolenta li inti tkun sinjal li jmeruk. U intom tafu wkoll f’kemm sitwazzjonijiet min jixtieq jew jipprova jgħix ma’ Ġesù jkollu wkoll jaffronta sitwazzjonijiet fejn iħossu mhux biss minoranza imma addirittura magħdud bħala miskin, iblah, fidil u retrogradu. Huwa l-prezz li aħna m’għandniex nibżgħu minnu.
Nixtieq illum nikkonċentraw mhux biss is-sitwazzjoni fejn aħna nikkommemoraw id-Duluri ta’ din l-omm, id-Duluri ta’ Marija. Imma ejja naħsbu ftit fuq ix-xena tal-Vanġelu li għadna kemm smajna. Dan iż-żagħżugħ ta’ 33 sena, mastrudaxxa, tgħallem is-sengħa tal- mastrudaxxa minn Ġużeppi. Ġużeppi kien mastrudaxxa, imma anke Ġesù kien mastrudaxxa. L-Insara tal-Palestina baqgħu jgħożżu moħriet li kien għamel Ġesù, sakemm dan tmermer jew intilef. Ġesù kien jaħdem bl-għodda, u dan il-mastrudaxxa ta’ 33 sena, waqt li qiegħed full immersion fit-tbatija, għaliex juża l-kelma magħmudija jgħid: Hemm magħmudija li rrid ngħaddi minnha u kemm nixtieq li tgħaddi malajr. Dan bħalma inti jkollok eżami u tgħid iġri jgħaddi dan l-eżami ħalli almenu norqod trankwill, jiġri x’jiġri. U Ġesù kellu dan l-eżami kbir, sejjaħlu Magħmudija għaliex Magħmudija tfisser full immersion. Aħna nużaw baptism bl-Ingliż. Baptizzo bil-Grieg tfisser full immersion. Full immersion fit-tbatija! U jgħix dan l-istat fully immersed fit-tbatija, imma għad baqagħlu enerġija jaħseb f’Ommu li kienet armla. Intom tistgħu tifhmu li fi żmien Ġesù, li tkun armla mingħajr social services tfisser kundanna għal kważi faqar totali. Tkun trid tiddependi mill-familja estiża. Nifhmu għalhekk għaliex kellu soft spot għar-romol. Jiltaqa’ per eżempju mal-armla ta’ Najm li tilfet l-uniku tifel tagħha u qalbu ddub għaliha. Għaliex? Għaliex qed jaħseb anke f’ommu.
Meta kien jiltaqa’ mar-romol, Ġesù, jiena nimmaġinah jaħseb mal-ewwel fil-mama tiegħu, għax Ġużeppi ma baqax magħhom. Hija tradizzjoni qawwija li Ġużeppi miet qabel Ġesù telaq mid-dar ta’ 30 sena; ta’ 30 sena kien għadu Nazaret jaħdem ta’ mastrudaxxa. Segwa mhux biss is-sengħa imma anke l-klijenti ta’ Ġużeppi fil-belt kbira li ma tissemiex fl-Iskrittura, imma storikament u arkeoloġikament teżisti faċċata ta’ Nazaret, Zeppora li kienet belt kosmomopolitana. Kien ambjent kosmopolita ħafna, u apert bħal kultura tagħna, u n-nies ta’ Nazzaret kienu jaħdmu ħafna f’kull tip ta’ industirja fil-belt ta’ Zeppora.
U Ġesù ta’ 30 sena għadu f’dan l-ambjent miftuħ. Allura nistgħu nifhmu l-atteġġjament tiegħu għall-adultera, għan-nies midinbin. Dawn kienu l-klijenti tiegħu, jiġifieri kellu ftit dejn magħhom ukoll, kienu tawh x’jagħmel, kien tawh il-ħobża ta’ kuljum għal 30 sena. Imma hu jaħseb fil-mama tiegħu, armla. Tafu wkoll kemm japprezza l-munita li titfa’ l-armla fit-teżor tat-tempju. Jgħidilhom li din il-munita żgħira li tefgħet din l-armla – u żgur jaħseb fil-mama tiegħu – tiswa iktar mill flus il-kbar li tefgħu is-sinjuruni, għax dik kienet l-unika ħaġa li kellha biex tgħix.
U fuq is-salib, Ġesù jiftakar f’ommu armla. Il-ħsieb tiegħu hu li hi jkollha min jieħu ħsiebha. Irid jagħtiha xi ħadd jieħu ħsiebha, ‘Mara, dak ibnek, jiena issa, qatluni, qiegħed fl-aħħar nifs ta’ ħajti imma rrid naħseb biex nagħtik iben ieħor’. U jagħżel lid-dixxiplu l-maħbub tiegħu. U lid-dixxiplu maħbub, lil Ġwanni jgħidlu: “din hi ommok”. U min dak l-ħin Ġwanni jeħodha fid-dar tiegħu (ara Ġw19,26-27). Qabel ma jmut Ġesù, Marija għandha xi ħadd li jieħu ħsiebha. Il-Mulej minn fuq is-salib ħaseb fina billi ħafrilna: “tgħoddulhomx dan, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23,34), ħaseb ukoll f’wieħed mill-ħallelin li kien hemm miegħu. Wieħed donnu ma kienx interessat wisq, imma l-ieħor qallu: “ftakar fija meta tiġi fis-saltna tiegħek”. U l-Mulej Ġesù, għalkemm mifni bit-tbatija, jgħidlu: “illum stess tkun miegħi l-ġenna” (Lq 23, 42-43). U Ġesù jaħseb f’ommu. Kif jiena nista’ naqta’ qalbi minn Ġesù meta jiena u nimmeditah fl-aħħar minuti tal-ħajja tiegħu baqa’ jaħseb f’ħaddieħor? Jista’ ma jaħsibx fija, jista’ ma jħobbnix dan l-Iben t’Alla magħmul bniedem?!
Għalhekk il-messaġġ tal-lum, aħna u nisimgħu l-Vanġelu skont San Ġwann, għalkemm huwa xemarju ta’ Tbatija u ta’ biki, u ta’ dmugħ, jibqa aħbar it-tajba. Il-Mulej li jiena nadura, l-imsallab irxuxtat, għandu qalb, il-qalb minfuda tiegħu, li tgħallimni naħseb dejjem f’ħaddieħor.
Intom qegħdin fil-fjur tal-ħajja tagħkom, moħħkom mimli pjanijiet, ħolm sabih nispera u nawgura. Meta f’xi lejl tkun assalit minn xi trawma, tibżax, tibżax, anke r-rebbiegħa jkollha xi ħalba xita ‘l hawn u ‘l hemm. Intom qegħdin fl-istaġun tar-rebbiegħa tal-ħajja tagħkom, għandkom dritt toħolmu, u aħna l-kbar fl-età, m’għandna l-ebda dritt inkissru l-ħolm sabih tagħkom. Id-dover tagħna hu li nibnu ambjent ta’ solidarjetà, ambjent miftuh għal ideajt ġodda biex fih il-ħolm tagħkom ikollu futur.
Imma jiena nixtieq nitlobkom ħaġa u nkellhom lill-qalb tagħkom iżjed milli lill-moħħ tagħkom. Oħolmu li tkunu ta’ servizz. Għandna biżżejjed tentazzjonijiet, aħna ż-żgħar u l-kbar, ilkoll kemm aħna, li nidħlu fl-ingranaġġ li nagħmel biss dak li hu ta vantaġġ għalija. Jekk il-kommemorazzjoni ta’ dawn iż-żewġ persuni: ta’ Ġesù msallab u ta’ ommu Marija taħt is-salib tiegħu, tiġi għal xi ħaġa, tiġi biex lili kull sena tfakkarni li hemm futur għal min irid jagħti ħajtu għal ħaddieħor, li hemm futur għal min irid ikun ta’ servizz, li hemm futur, togħma sabiha daqs il-ħobż bnin. It-Taljani jgħidu: buono come il pane. Aħna b’ilsienna nafu x’jiġifieri għax il-ħobż għadu parti mill-kultura tagħna. Din it-tjubija ta’ min jgħid: jiena per eżempju se nkun carer, se nkun artista, se nkun tekniku, imma dak li se nagħmel se nagħmlu biex inkun ta’ ġid mhux biss biex jiena naqla’ l-ħobżna ta’ kuljum – u jalla jkollok u jkattarulek min issa – imma l-ħobż li tiekol ma wliedek, mal-familja tiegħek ikun imbierek jekk inti tkun qlajtu għax tkun tajt servizz, li f’ħajtek turi u tagħti xhieda ta’ solidarjetà.
Marija, jekk ma tgħallimna xejn fis-silenzju tagħha, għax hi ma titkellimx, qiegħda hemm wieqfa, siekta, taħt is-salib tibki. Zeffirelli fil-film tiegħu, jġib lil Sidtna Marija u Binha fi ħdanha wara li niżżluh mis-salib, tolfoq, tibki. Jiena m’għandi l-ebda oġġezzjoni għal dik ix-xena. Ma tistax omm li tara lil binha mejjet fi ħdanha ma tibkix biki kbir. Kemm hemm nisa qegħdin jibku l-istess bikja għat-telfa ta’ wliedhom, fil-gwerer, fil-ġuh, bl-inġustizzja.
Irridu nsellmu wkoll lil dawn in-nisa, lil dawn il-ġenituri, mhux biss in-nisa imma anke missirijiet li jibku għan-niket u t-telfa ta’ wliedhom. Nitolbu l-grazzja li aħna nkunu preżenza li ġġib balzmu fil-qalb ta’ min hu mnikket. Min illejla bi ħsiebu jmur xi pruċissjoni, ma’ kull mixja u kull pass tagħna nitolbu lill-Mulej biex igħinna li l-ħolm tagħna ikun ħolm sabih li noħolmuħ nagħmlu l-ġid lil ħaddieħor. U fuq dan il-ħolm tagħkom, għeżież żgħażagħ u għalliema, jiena nitfa l-barka tiegħi ta’ Isqof tagħkom.
✝ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta