-
-
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali ta’ Burmarrad
10 ta’ Diċembru 2017
Bdejna naqraw l-iqsar Evanġelju, l-iqsar wieħed, l-Evanġelju skont San Mark. Il-kelma ‘Evanġelju’ ma vvintajnihiex aħna l-Insara. 2,000 sena ilu meta nkitbu dawn l-erba’ kitbiet li jirrakkontaw it-taħdit, l-istorja, il-passjoni u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù, kien hemm l-użanza li meta r-re jew l-imperatur, skont liema reġjun ikun, imur f’belt, jibgħat ħabbar li jħabbar il-miġja tar-re u din it-taħbira kienu jgħidulha ‘evangelion’ l-aħbar it-tajba, l-aħbar it-tajba li ġej ir-re.
Mhux biss kien ikun iħabbar li jgħid li ġej ir-re, imma kien ukoll jorganizza it-twittija tat-toroq minn fejn se jgħaddi r-re. Aħna b’xi mod għandna l-esperjenza għax meta jiġi l-Papa, minn fejn se jkun jgħaddi jirranġawlu it-toroq, anke meta tiġi r-Reġina. L-istess kien jiġri 2,000 sena ilu: minn fejn se jgħaddi r-re kien ikun hemm dan il-ħabbar li jniedi xogħlijiet biex iwittu t-toroq.
Imbagħad il-profeta Isaija, li kien ġie qabel Ġesù, juża din l-immaġini: “Leħen jgħajjat ‘ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert’”, għax il-veru re huwa l-Mulej, “wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri. Jintradam kull wied, jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet; kull art imħattba titwitta, kull art imħarbta ssir maqgħad” (Is 40, 3-4). Din kienet tkun l-aħbar għal meta jiġi r-re ta’ din id-dinja imma Isaija l-profeta qed jużaha għall-miġja tal-Mulej.
L-istess jagħmel San Mark fil-bidu tal-Evanġelju tiegħu. Fil-fatt il-kitba tiegħu jagħtiha l-istess tħabbira: li ġej ir-re u minn hawnhekk l-ewwel nett jgħid: “Il-bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla” (Mk 1, 1). Qed jgħidilna din it-tħabbira tal-miġja tar-re tar-rejjiet jismu Ġesù imma għaliex huwa l-Messija huwa Kristu, wara kollox Kristu tfisser il-Messija, l-iben ta’ Alla. Dan il-bidu tal-Evanġelju skont San Mark; fit-tmiem tal-Evanġelju ċ-ċenturjun hu u jgħid: “Tassew dan hu Iben Alla” (15, 39).
Min hu l-ħabbar tal-miġja ta’ Ġesù? Huwa magħżul minn Alla fl-istorja u fir-rakkont tat-twelid ta’ Ġesù u jitwieled minn Żakkarija u minn Eliżabetta. Ismu jintgħażel minn Alla. L-anġlu Gabrijel lill-profeta jgħidlu: “Isem it-tarbija se jkun Ġwanni” (Lq 1, 13), bl-Ebrajk Johanan. Aħna nifhmu mal-ewwel xi tfisser, ‘Alla ħanin’, għaliex l-aħbar it-tajba li Ġesù ġej hija aħbar tajba għax iġġib magħha l-ħniena. Għaliex Ġesù l-isem tiegħu ukoll magħżul minn Alla, ismu jfisser Alla jsalva u Alla jsalva billi jħenn għalija, Alla jsalva billi jagħdirni għax jafni, għax iħobbni. Infatti jgħid Isaija lill-poplu tiegħu: “Farrġu, farrġu l-poplu tiegħu (Is 40, 1), toqgħodux tbeżżgħuh, agħtuh il-faraġ, kellmu lill-qalb Ġerusalemm u għidulha: Intemm mill-jasar tiegħek, tħallset ħżunitek. Inti dnubietek maħfura.
Aħna li rridu nwittu l-widien tal-vizzji tagħna, tal-umiljazzjonijiet tagħna, irridu nneħħu t-traċċi tas-suppervja tagħna, għaliex fl-Evanġelju ta’ Ġesù t-triq mhijiex dik tat-tama, imma t-triq tal-ħajja ta’ dejjem. Ir-re mhuwiex ir-re ta’ din id-dinja imma r-re li jwassalna għall-ġenna. Wara kollox fuq is-salib ma wiegħed lil ħadd affarijiet ta’ din id-dinja, imma lill-ħalliel it-tajjeb qallu: “Illum tkun miegħi l-ġenna” (Lq 23, 43). Hu wera lilu nnifsu s-sultan li tiegħu qegħdin nirċievu din it-taħbira, din l-aħbar it-tajba: ġej il-Mulej, ġej biex isalvana, ġej Għimmanu-El biex ikun Alla magħna.
L-aħħar ħsieb. Il-Mulej kif jimxi magħna? Isimgħu naqra lill-profeta Isaija: “Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu, bi driegħu jiġmagħha, il-ħrief fi ħdanu jerfagħhom, u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom” (Is 40, 11). Dawn it-tliet tixbihat tar-ragħaj u l-merħla jgħallmuna kif Alla jimxi magħna. Jimxi magħna b’imħabba kbira, jimxi magħna b’kura kbira, jimxi magħna b’paċenzja kbira:. “In-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom, il-ħrief fi ħdanu jerfagħhom”.
U allura nifhmu li meta kiber, għal Ġesù kien faċli jgħid lin-nies tat-triq: “Jiena nagħti ħajti. In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni u jiena nagħrafhom, huma jagħrfu lili u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti” (ara Ġw 10, 14-15). Mela jekk il-profeta Isaija jgħallimna kif Alla jieħu ħsieb il-merħla tiegħu, Ġesù mhux biss jieħu ħsiebha imma jagħti ħajtu għaliha.
Ejjew nitolbu f’dan l-Avvent imqaddes, biex aħna nwittu t-triq għall-Mulej għax l-għajta tal-ħabbar imwiegħed fil-mixja tiegħu hija din: “Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw l-mogħdijiet tiegħu.”
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja