• Oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    1 ta’ Ottubru 2014

    Insellem lilek Eċċellenza Aġent President, u nirringrazzja lilkom ilkoll tal-preżenza tagħkom.

    Jiena nixtieq nislet ftit ħsibijiet ispirati mill-kelma ta’ Alla li għadna kemm smajna. Il-kelma hija dik assenjata mill-Knisja għal din il-ġurnata, it-tlieta fis-26 ġimgħa ta’ matul is-sena. Illum infakkru wkoll il-festa ta’ Santa Tereżina tal-Bambin Ġesù, Tereża ta’ Lisieux. Hija duttur tal-Knisja mhux għax kellha ħafna degrees, imma għaliex fl-età żgħira tagħha immaturat b’ħeffa kbira fit-triq tal-Evanġelju, b’mod speċjali f’dak li nsejħulha t-tfulija spiritwali. Hija il-kapaċità li f’kulma jgħaddi minn għalik tintelaq fi ħdan Alla, bħalma tarbija tintelaq fi ħdan ommha b’fiduċja totali, biex imbagħad issir strument effikaċi tal-ħniena ta’ Alla. Dan jirrikjedi maturità kbira. Il-qaddisin saru qaddisin għaliex għarfu l-għerf tal-kelma t’Alla li smajna fl-ewwel qari llum mill-ktieb ta’ Ġobb: “nistenna mill-imħallef tiegħi l-ħniena”.

    Is-silta li smajna llum ukoll tibda billi, Ġobb, fi djalogu kontinwu ma’ sħabu li qed jippruvaw isabbruh għall-inkwiet kollu, għall-ġerħat kollha li kellu, jirrejaliżża li ma’ Alla diffiċli tħaqqaqha. Ma nafx jekk il-verb ħaqqaq hux ġej mill-verb ħaqq, li m’għandux x’jaqsam mad-dagħwa, mal-fatt li inti qiegħed tidħol f’kontradittorju ma’ xi ħadd, tħaqqaqha. B’xi mod f’dan il-verb hemm ukoll l-essenza tal-ġudizzju li huwa frott tal-kontradittorju. Mela jekk jien irrid nagħmel ħaqq, irrid verament nirrispetta r-regola fundamentali tal-kontradittorju, audi et alteram partem. Imma ma’ Alla, dan il-kontradittorju huwa diffiċli, għax aħna nsibu lilna nfusna fi stat debitorju li huwa kroniku, aħna midjunin ma’ Alla, u allura huwa inutli li toqgħod tħaqqaqha ma’ Alla meta inti midjun miegħu.

    Jiena naħseb li l-imħallef tassew ġust jibda billi f’ħajtu jirrejaliżża, mingħajr skrupli żejda u mingħajr sens ta’ inferjorità, il-fatt li huwa ħolqien ta’ Alla. Dan ifisser li minn Alla, meta jidher quddiemu, għandu bżonn fuq kollox il-ħniena, għax hu midjun ma’ Alla minħabba d-dnubiet tiegħu, id-difetti tiegħu. U l-ġustizza ta’ Alla u l-qawwa tiegħu tidher meta HU jagħmel ħniena magħna.

    Fl-Evanġelju, Ġesù jitkellem ukoll fuq id-dixxiplu tas-Saltna li jmidd idejh fuq il-moħriet u ma jħarisx lura. Li tħares lura meta inti qed taħrat u qed tiggwida l-moħriet ifisser proprju li r-radda ma tibqax dritta. Ġesù fuq il-moħriet kien jifhem għaliex kien jaħdimhom ukoll. Irinew ta’ Lyon jgħid li fit-tielet seklu l-Insara tal-Palestina kienu għadhom jgħożżu, bħala relikwija għażiża, moħriet li kien ħadmu Ġesù, il-mastrudaxxa ta’ Nażaret. Ġesù kienu juża immaġini qrib ħafna tar-realtà tal-poplu u anke tiegħu stess. Kien jaf jagħmel moħriet imma kien jaf ukoll jużah. U allura jekk tmidd idek fuq il-moħriet, li huwa mmexxi mill-bhejjem, inti qiegħed tiggwidah, u ma tistax tħares lura. Trid tkun determinat fid-direzzjoni li qbadt. Inti bħala mħallef se tkun il-personifikazzjoni tal-ġustizzja, bħal ma jgħid Aristotli, għalhekk ma tistax tħares lura ladarba tkun qbadt direzzjoni.

    Din hija xi ħaġa li xtaqt infakkarkom b’umiltà kbira. Aristotli jgħid, u aħna qegħdin ngħidu fl-għeruq tal-kultura oċċidentali, pre-kristjana, li l-imħallef huwa l-personifikazzjoni ta’ dak li hu ġust. Ir-responsabiltà allura li għandkom il-ġudikanti u anke il-kollegi avukati u prokuraturi legali hija li fil-ħajja tagħna, minkejja dnubietna, nagħmlu ħilitna biex inkunu xhieda ta’ ħajja retta. U għalhekk jiena nifhem, u l-eżami tal-kuxjenza l-ewwel li nagħmlu jien, li ma nistax nagħmel dikotomija jew skiżofrenija bejn il-ħajja privata tiegħi u l-mansjoni pubblika li għandi. Bħala persuni li għandna uffiċċji pubbliċi, jiena bħala Isqof, intom bħala dak li jgħidlu Ċiċerun, is-saċerdoti l-kbar tal-ġustizzja, irridu nkunu xhieda ta’ x’jiġifieri tgħix ħajja ġusta, ħajja ekwilibrata, ħajja li tagħti lil kulħadd dak li hu tiegħu, u għalhekk tbiegħdna minn kull rgħiba, anke minn kull ħsieb ta’ malizja.

    L-aħħar ħsieb tiegħi, xtaqtu llum li jkun riflessjoni qasira ħafna dwar proverbju li Ċiċerun jikkwota fid-De Officiis, u jikkwotah bħala proverbju assodat, mhix xi ħaġa li kitibha hu fid-De Officiis. U dan huwa l-proverbju antik ħafna, summum ius, summa iniuria. L-interpretazzjoni tiegħu hija li jekk inti l-liġi tapplikaha b’mod riġidu u mingħajr għaqal, billi tiżen iċ-ċirkustanzi kollha, minflok tagħmel ġustizzja tagħmel inġustizzja, minflok tkun xhieda tal-ġustizzja issir karikatura meskina tal-ġustizzja. U biex jipprova jispjega x’irid jgħid meta jikkwota dal-proverbju, Ċiċerun fid-De Officiis jagħti żewġ eżempji. Wieħed minnhom kien ta’ ġeneral li kien qed jassedja belt u daħal mal-kontroparti f’dil-gwerra, fi truce, almenu f’arranġament biex ma jkunx hemm iżjed aggressjoni. U l-ftehim kien li jagħmlu tletin jum mingħajr ġlied. Imma dan, billejl, kien ikompli l-aggressjoni. Meta qalulu: “Dan kif qed tagħmel hekk kontra l-ftehim?” qalilhom “Għax jiena impenjajt ruħi għal tletin jum mhux għal tletin lejl”. Ċiċerun jispjega li meta inti tħares biss lejn l-ittra, minflok ġustizzja tagħmel inġustizzja.

    It-tieni każ li jsemmi Ċiċerun fid-De Officiis, huwa ta’ senatur li ntbgħat biex jipprova jippaċifika lin-Naplitani man-nies ta’ Nola, għax kellhom kwestjoni war id-diviżjoni ta’ artijiet, xi ħaġa kważi mpossibli, għada sal-ġurnata tal-lum. Dan intabgħat bħala medjatur mis-Senat ta’ Ruma biex jgħinhom jiddeterminaw il-konfini huma stess. U tkellem maż-żewġ partijiet, qalihom: “Tkunux rgħiba, ippruvaw oqgħodu pass lura.” U dawn ħaduh bis-serjetà, anke minħabba l-prestiġju ta’ min bagħtu, s-Senat ta’ Ruma, u kulħadd minflok kien rgħib, qagħad litteralment pass lura. Iżda meta ġew biex kulħadd jiddikjara l-konfini preteżi, kulħadd kien ħafna attent u spiċċat biċċa art kbira fin-nofs, li ħadd ma ppretendiha. U dan qabad u qal: “Mela din hija tas-Senat ta’ Ruma”, u ħadha għalihom. U Ċiċerun jikkonkludi, b’hekk dan ma għamilx ġustizzja, imma nganna lill-partijiet. Summum ius, summa iniuria. Nitolbu d-dawl tal-Ispirtu s-Santu, b’mod speċjali fuq kull min jieħu sehem fil-kontradittorju, biex dejjem issir ġustizzja. Jiena nemmen ħafna li l-imħallef irid jiġġudika ex actis et probatis. Inutli titlob mill-imħallef xjenza li ma toħroġx mid-dokumenti li poġġejtlu quddiemu. U għalhekk ir-rwol tal-partijiet u tal-avukatura huwa essenzjali biex il-ġudikant ikun jista’ jagħti servizz lill-poplu skont il-ġustizzja. Għalhekk il-kontradittorju li joffru l-partijiet, b’diliġenza kbira, huwa essenzjali għall-ministeru tal-ġustizzja. Imma l-ġudikant għandu l-kuxjenza tiegħu u hu u jaqra u jinterpreta l-liġi, irid ukoll jissalvagwardja d-dinjità tal-liġi, għax il-liġi, meta hija nterpretata b’mod riġidu, issir il-karikatura tagħha nnifisha. U quddiem il-poplu, minflok ikun hemm is-salvagwardja tad-dinjità tal-liġi, il-liġi tkun iddisprezzata; l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ikunu ddisprezzati.

    Għalhekk napprezza ħafna l-preżenza tagħna hawn fil-knisja, fil-ftuħ ta’ din is-Sena Forensi, biex nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jagħtina d-dawl tiegħu, għaliex aħna għandna ħafna bżonn ta’ għerf kbir biex, aħna u ninterpretaw il-liġijiet u napplikawhom, nagħmlu dan b’mod li l-ispirtu tal-liġi ma jitkissirx imma jiġi attwaliżżat f’każ konkret, f’sitwazzjonijiet konkreti.

    Il-Mulej jgħinna f’din il-biċċa xogħol mhux faċli.

    + Charles J. Scicluna
       Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta

  • Ritratti: Photocity, Valletta
    www.photocitymalta.com