L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Aħna u nirringrazzjaw lil Alla flimkien illum f’din iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, u nirringrazzjawh tal-għajnuna li tana matul is-sena li għaddiet – li għal ħafna kienet partikolarment diffiċli minħabba l-pandemija u dak kollu li ġabet magħha – hi okkażjoni llum li nħarsu ’l quddiem lejn din is-sena li qed nibdew. U biex ikollna ispirazzjoni u għajnuna għal din is-sena, il-Knisja tagħtina l-figura ta’ omm. Hija omm għażiża għalina lkoll, l-omm tal-bidu ġdid: Marija Omm Alla. Inħarsu lejha u bis-saħħa ta’ hekk ikollna ispirazzjoni u għajnuna għal kull jum ta’ din is-sena ġdida.

Kien il-Konċilju ta’ Efesu li fis-sena 431 iddikjara li Marija hija Omm Alla, u spjegaha hekk: Marija hija Omm Ġesu, Ġesù hu Alla, għalhekk Marija hija Omm Alla.

Marija hija dik li laqgħet fiha lil Alla li ried jitwieled fostna fid-dinja. Ħa nħarsu lejn din Marija, Omm Alla, u minnha nieħdu l-ispirazzjoni, u lilha nitolbu l-għajnuna għal din is-sena.

Il-bidu

Meta saret Omm Alla Marija? Kien proprju meta l-anġlu Gabrijel wasslilha l-messaġġ mingħand Alla u hi aċċettat. Dak il-ħin tnissel fiha Ġesù, dak il-ħin hi saret omm Ġesù, dak il-ħin saret Omm Alla. Bħala omm ma kinitx tħares lejha nnifisha u tgħid: kulma għandi ftit ċelloli fija. Kienet tagħraf li dawk iċ-ċelloli huma ħajja umana ġdida, li hi għandha tipproteġi u tgħożż mill-ewwel mument, bħalma għamlet. Kien f’dak il-mument tat-tnissil li hi saret Omm Alla, u baqgħet tgħix din il-vokazzjoni speċjali ħajjitha kollha.

Sat-tmiem

Tolqotna kif Marija għexet ħajja ta’ omm mill-aktar ordinarja, ta’ kuljum, u kellha f’dan l-għajnuna kbira ta’ Ġużeppi. Fl-istess ħajja ordinarja li għexet, tagħtina ħafna ispirazzjoni għall-ħajja tagħna. Lil Ġesù laqgħetu, ħadmet biex tipproteġih flimkien ma’ Ġużeppi, rabbietu, akkumpanjatu. Fil-mument li wasal biex jitlaq għall-missjoni tiegħu, terħih biex jitlaq; imma dejjem baqgħet issegwih b’qalb ta’ omm, u għamlet dan sa taħt is-salib, meta qasmet miegħu l-mument tal-akbar tbatija. Hemm hi akkumpanjat lil binha, u meta hu qam mill-mewt, dik kienet ir-rebħa definittiva ta’ Ġesù. Għalhekk Omm Alla, għax is-salib ma kienx it-tmiem.

F’dan kollu hi diġà ta’ ispirazzjoni għalina lkoll – kif ngħixu l-ħajja ordinarja tagħna bl-akbar imħabba. Il-Papa Franġisku ħareġ messaġġ għal dan il-jum, li hu Jum il-Paċi, u jsemmi speċjalment li għandna naħdmu għall-“culture of care” – kultura ta’ kura, ta’ wens, li nieħdu ħsieb lil xulxin. Marija hija eżempju mill-isbaħ ta’ dan.

Inċertezza

Hemm ħaġa li tolqotni li għandha rabta kbira ma’ dak li qed ngħixu bħalissa, u li għexna f’dan l-aħħar żmien. Marija hija l-omm li għexet f’ħafna inċertezza. Mill-ewwel mument meta dehrilha l-anġlu, hi staqsiet “Kif ikun dan?” – u donnu din il-mistoqsija “Kif ikun dan?” baqgħet f’qalbha. Għexet mumenti kbar ta’ inċertezza, imma għexithom bil-fiduċja sħiħa f’Alla – għalhekk naqraw fl-Evanġelju li kienet “tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha”. Kienet tqiegħed f’idejn Alla dak kollu li tgħaddi minnu, u dak kollu li ma tistax tifhem, b’fiduċja li hu jagħtiha l-għajnuna li għandha bżonn. Kemm hi u kemm Ġużeppi huma eżempji mill-isbaħ ta’ dan: ta’ fiduċja f’Alla qalb l-inċertezza.

Jekk hemm xi ħaġa li għexna f’dawn l-aħħar xhur u li għadna ngħixu, hi l-inċertezza kkważata mill-pandemija. F’mumenti li naħsbu li mxejna ’l quddiem, kultant inħossuna mmorru lura. Hemm inċertezza rigward il-vaċċin, jekk hux se jkun effettiv, jekk il-varjant tal-virus hux se jinfetta ħafna aktar nies. Hemm inċertezza rigward ix-xogħol, inċertezza li tolqot lill-istudenti u lill-għalliema fl-iskejjel. Hemm din l-inċertezza li diġà għexna u li għadna fiha. Kull sena ġdida hi sena fejn hemm inċertezza dwar x’se jiġri, imma bħalissa qegħdin b’mod speċjali f’din l-inċertezza. Għalhekk tajjeb li nħarsu lejn din l-omm li f’ħajjitha tant għexet din l-esperjenza ta’ inċertezza dwar x’se jiġri, x’inhu mitlub minnha; imma fl-istess waqt, għexet daż-żmien bil-fiduċja sħiħa f’Alla, u b’qalb miftuħa għall-bidu ġdid.

Kuraġġ

Dan hu l-messaġġ importanti li tagħtina llum meta nħarsu lejn Omm Alla: li din is-sena ngħixuha bil-fiduċja sħiħa f’Alla. Bit-talb tagħna, bil-gratitudni tagħna lejn Alla għal dak kollu li jagħmel magħna, u bil-konvinzjoni li hu se jmexxina ’l quddiem u jagħtina l-għajnuna qalb id-diffikultajiet tal-ħajja; u ngħixuha wkoll bl-istess imħabba li għexet hi – imħabba li tfisser attenzjoni, kura sħiħa tal-oħrajn. Hu dan li turina, u jekk ngħixu hekk din is-sena, ikollna sena li ngħixuha b’mod tajjeb, bl-isbaħ mod.

Nitlob għalina lkoll, aħna u niċċelebraw il-festa ta’ Marija Omm Alla fil-bidu ta’ sena ġdida – nitolbu biex matul din is-sena nħarsu lejha biex minnha nieħdu l-ispirazzjoni kif għandna ngħixu, u biex lilna tkompli tipproteġina bħala omm – għax Ġesù taha lilna lkoll bħala omm – bħalma hi pproteġiet b’mod sħiħ lill-Iben ta’ Alla.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju