L-ordinazzjoni episkopali ta’ Patri Prospero Grech OSA se ssir fit-8 ta’ Frar li ġej, fis-6.00 p.m., fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Dan ġie deċiz f’dawn l-aħħar jiem mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u Patri Prospero Grech, wara li l-Papa Benedittu XVI ħabbar li Patri Prospero se jkun wieħed mill-Kardinali l-ġodda li huwa se jaħtar fil-Konċistorju tat-18 ta’ Frar.
F’Malta, Patri Prospero se jkun ikkonsagrat Arċisqof minn Monsinjur Giuseppe Versaldi, Arċisqof u President tal-Prefettura tal-Affarijiet Ekonomiċi tas-Santa Sede. Bħal Patri Prospero, l-Arċisqof Versaldi, li sa ftit ilu kien Isqof tad-Djoċesi ta’ Alessandria fl-Italja, wkoll se jinħatar Kardinal. L-Isqfijiet ko-konsagranti fiċ-ċelebrazzjoni tal-ordinazzjoni episkopali se jkunu l-Arċisqof, Monsinjur Pawlu Cremona O.P. u l-Isqof t’Għawdex, Monsinjur Mario Grech.
Patri Prospero Grech mistenni jasal Malta fid-6 ta’ Frar.