-
-
Nhar il-Ħadd 9 ta’ Novembru 2014, erbgħa seminaristi u patri Kapuċċin ser jiġu ordnati djakni minn Mons. Charles J. Scicluna, Isqof Titulari ta’ San Leone u Amministratur Appostoliku sede vacante, waqt quddiesa li tibda fis-6:00pm, fil-Parroċċa ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid.
Ser jiġu ordnati djakni: Carlo Calleja mill-Parroċċa ta’ Stella Maris, tas-Sliema, Abraham D’Amato mill-Parroċċa ta’ San Pietru fil-Ktajjen, Birżebbuġa, Christopher Ellul mill-Parroċċa Kristu Re, Raħal Ġdid, Fra Bertrand Vella O.F.M. Cap. u Mark Joseph Zammit mill-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien.
Permezz tal-Ordinazzjoni, id-djakni l-ġodda isiru xebh ma’ Ġesù Kristu li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd. Id-dmirijiet tad-djaknu huma li l-ewwel u qabel kollox jiddedika ħajtu għal qadi bl-imħabba (djakonija) fis-servizz tiegħu lejn il-poplu, jassisti lill-Isqof u lis-saċerdoti fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa, l-aktar tal-Ewkaristija, jamministra s-sagrament tal-Magħmudija, jassisti għaż-żwieġ u jbierku, ixandar l-Evanġelju u jippriedkah, u jmexxi funerali.Il-komunità tas-Seminarju flimkien mal-Aħwa Minuri Kapuċċini jħeġġu lil kulħadd biex jitlob b’mod speċjali għal dawn id-djakni ġodda u għal żgħażagħ oħrajn li huma msejħa biex jimxu wara Ġesù fil-ħajja saċerdotali jew reliġjuża.