“Kollox huwa rigal minn Alla: hu biss billi wieħed jagħraf din id-dipendenza kruċjali fuq il-Ħallieq li tinstab il-liberta u l-paċi”. Dan kien il-messaġġ li l-Papa Benedittu XVI tefa’ fuq Twitter eżatt kif temm l-udjenza ġenerali ta’ din il-ġimgħa ma’ madwar tmint elef persuna.
Il-Kap tal-Kattoliċi ssokta bis-serje ta’ katekeżi dwar il-Professjoni tal-Fidi jew il-Kredu. Mir-raġuni ‘l għaliex insejħu lil Alla ‘Missier Setgħani’ irrifletta fuq l-affermazzjoni ta’ Alla ‘Ħallieq tas-sema u l-art’.
Fl-udjenza tal-Erbgħa, dil-ġimgħa l-Papa kompla jispjega li t-tentazzjoni għad-dnub qal li tiġi mill-fatt li wieħed jemmen li Alla jżommna ‘l bogħod mill-aħjar affarijiet fil-ħajja, milli wieħed jemmen li l-ferħ hu ħieles minn kull limiti. Minflok, il-ħażen daħal fid-dinja wara li l-bniedem liberament għażel il-gideb fuq il-verita, u konsegwentement darab ir-relazzjoni fundamentali tiegħu ma’ Alla.