-
-
L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Knisja Arċipretali tan-Naxxar
6 ta’ Settembru 2017
Fuq il-kwadru titulari ta’ din il-parroċċa antika, arċipretali, hemm dawn il-kelmiet bil-Latin: quasi aurora consurgens. Dawn ifakkruna li fl-innijiet l-iżjed antiki li jiċċelebraw it-twelid ta’ Omm il-Feddej, din il-festa antika ħafna kienet bħas-sebħ li jagħti lill-Insara s-sinjal li dalwaqt jaraw ix-xemx tiela. U tgħiduli, bir-raġun, għaliex il-profeta Malakija jsejjaħ lill-Messija bħala “x-xemx tal-ġustizzja” (Mal 4, 2) u t-twelid ta’ Ommu huwa bħal dak is-sebħ, l-awrora, li wara id-dlam tal-lejl timla l-qalb ta’ kulħadd bit-tama u bil-ferħ.
Aħna nistgħu nimmaġinaw li t-twelid ta’ din it-tifla ġabet ferħ kbir għal ommha u għal missierha, għal Anna u għal Ġwakkin. Imma għalina jġib il-ferħ għax nafu li din hija tifla, Bambina, partikolari ħafna, ippredestinata mill-Mulej għal missjoni unika – dik li tkun l-Omm tal-kelma ta’ Alla, tal-Verb Divin li jsir bniedem.
Il-lista ta’ nies li qara l-Arċipriet fl-Evanġelju skont San Mattew ma jwasslux għal Marija, huwa n-nisel ta’ Ġużeppi. U Ġużeppi jirċievi din l-istedina partikolari: “Xejn la tibża’ tieħu lil Marija b’martek għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu” (Mt 1, 20). Din il-kelma tal-anġlu lil Ġużeppi tgħidlu: ‘ilqagħha lil Marija fid-dar ta’ David, fid-dar ta’ Abraham, għaliex hija wkoll mara bint Abraham fil-fidi u hija wkoll bint David fil-missjoni tagħha li lil David tibnilu dar’. L-anġlu Gabrijel jgħidilha: “Hu jkun qawwi u l-Mulej imexxi d-dar ta’ David permezz tiegħu” (ara Lq 1, 32). Hi allura Omm Ġesù Kristu, bin David, bin Abraham. Imma hu bin David, bin Abraham, fil-laħam permezz tagħha, fil-liġi permezz ta’ Ġużeppi.
Permezz ta’ Marija, Alla mhux il-bogħod minna, huwa magħna, wieħed minna.
Dawn it-tnejn lil Ġesù jagħtuh il-garanzija li hu jidħol fil-familja tal-bnedmin biex isalva l-familja tal-bnedmin. Permezz ta’ Marija, u anke permezz ta’ Ġużeppi, Ġesù jidħol fil-familja tagħna, huwa wieħed minna, huwa Għimmanu-El. Permezz ta’ Marija, Alla mhux il-bogħod minna, huwa magħna, wieħed minna. U allura fit-twelid tagħha aħna nifirħu li l-Mulej ħejja t-tempju tiegħu fil-ġuf ta’ Anna u dan it-tempju twieled, dan it-tempju tal-Mulej huwa persuna, hija tfajla li ngħatat isem ta’ umiltà kbira, imma isem li kull ġenerazzjoni tivvenerah u tonorah. Għaliex is-sinjifikat tal-isem li ngħatalha lil din il-Bambina, lil din it-tifla, fl-għerq Lhudi jfisser qatra minn oċean, Stilla Maris, qatra minn oċean! Mhux ta’ b’xejn meta kibret, għand Eliżabetta qalet: “Il-Mulej ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (v. 48). U f’Marija m’hemm l-ebda kumpless ta’ inferjorità, hemm biss il-verità tal-umiltà tagħha. Umiltà mhijiex li tbaxxik imma li tħares lejn il-Mulej u tgħidlu: “Grazzi Sinjur, talli minkejja ċ-ċokon tiegħi għamilt miegħi ħwejjeġ kbar (ara vv. 48-49).
It-twelid tal-Madonna hija wkoll il-vittorja tagħna, il-vittorja tagħha u tagħna
L-ewwel knisja f’Malta ddedikata lit-twelid ta’ Marija hija tat-tlettax-il seklu, imma kien l-Assedju l-Kbir tal-1565 li lilna l-Maltin ikkonvinċina mill-ħarsien ta’ Ommna Marija. U għalhekk għalina l-Maltin – għax din hija xi ħaġa tagħna l-Maltin – it-twelid tal-Madonna hija wkoll il-vittorja tagħna, il-vittorja tagħha u tagħna, mhux b’sens trijonfalistiku, imma aħna u nifirħu b’dan is-sebħ li jgħidilna li dalwaqt niltaqgħu “max-xemx tal-ġustizzja li huwa Binha Ġesù”, qed jgħidilna wkoll li fiha għandna xi ħadd li jitlob għalina, jiddefendina, iħarisna u ta’ din il-ħaġa għandna prova wara prova fl-istorja twila ta’ pajjiżna. Fuq kollox, it-twelid tagħha, hi li kienet imnissla mingħajr tebgħa tad-dnub, huwa wkoll il-miġja, l-aħbar it-tajba, l-Evanġelju tar-rebħa ta’ Binha fuq id-dnub, tar-rebħa ta’ Binha fuq il-mewt.
Il-Knisja, fil-Liturġija tal-festa, fil-versett tal-hallelujah tgħid, “Ħienja int, Vergni Marija u jistħoqqlok kull tifħir, minnek twieled Kristu Alla tagħna, ix-xemx tal-ġustizzja”. U jekk l-Iben huwa x-xemx, l-Omm hija s-sebħ. Quasi aurora consurgens.
Illum lil Marija Bambina nixtieq nitlobha grazzja partikolari, il-grazzja li l-ulied ma jkunux xi ħaġa li tixtrihom bil-flus, jew li tagħmilhom bit-teknoloġija
Aħna u naqraw il-lista twila tal-antenati ta’ Ġużeppi, aħna nirrealizzaw li kull wild f’dawn il-ġenerazzjonijiet kien rigal, kien don. Illum lil Marija Bambina nixtieq nitlobha grazzja partikolari, il-grazzja li l-ulied ma jkunux xi ħaġa li tixtrihom bil-flus, jew li tagħmilhom bit-teknoloġija, imma jibqgħu rigal li aħna nilqgħu b’ferħ mingħand Alla u nilqgħuhom kif jibgħathom il-Mulej, għax dejjem huma rigal u rigal prezzjuż.
Jalla aħna l-Insara jkollna s-sens u l-għaqal nirbħu kull tentazzjoni li ngħidu ‘jiena għandi d-dritt ikolli l-ulied’, imma nibqgħu ngħidu ‘nitlob lill-Mulej iberikni bl-ulied’, biex meta nilqgħuhom, u jalla nilqgħuhom dejjem, u jalla kull twelid għalina jkun grazzja u mhux diżgrazzja, aħna nkunu nistgħu ngħidu, ‘Grazzi Sinjur, ikkoperajna miegħek fil-ħolqien ta’ din il-bambina, ta’ dan it-tifel, ta’ din it-tifla. Nirringrazzjawk għaliex għalkemm aħna nikkoperaw miegħek, l-ulied jibqgħu dejjem don, la dritt u lanqas xi ħaġa li tixtriha bil-flus’.
Nitolbu wkoll għal min jixtieq ikollu l-ulied u ma jistax biex il-Mulej jiftah l-għejjun tal-qalb tal-bniedem
Aħna u nifirħu fit-twelid ta’ din it-tifla, Marija Omm il-Feddej, nitolbu wkoll għal min jixtieq ikollu l-ulied u ma jistax biex il-Mulej jiftaħ l-għejjun tal-qalb tal-bniedem, il-ġenerożità ta’ min jidħol għall-adozzjoni, ta’ min jagħmel fostering ta’ ulied ħaddieħor, u jipprovdi dar għal min ma setax ikollu.
L-aħħar kelma għall-ġenituri u għan-nanniet. Aħna nifirħu li l-Bambina twieldet, imma mbagħad kien hemm bżonn min jieħu ħsiebha u min jedukaha. U allura aħna rridu nkunu dawk li lill-ulied u lill-ulied uliedna nieħdu ħsiebhom b’edukazzjoni tajba u Nisranija, bl-għożża tal-omm u l-missier, u l-għożża tad-dar.
Meta nħares lejn il-mant sabiħ li jindokra l-Bambina, jiena nistħajjel li dak il-mant irid ifisser l-imħabba kollha tagħna li jindokra din ix-xbieha meraviljuża, sabiħa. Jalla kull tarbija jkollha dan il-mant ta’ sapport, ta’ għożża, mhux bilfors tal-bellus, intom tifhmuni xi rrid ngħid. Jalla l-ulied jikbru fl-għożża tal-imħabba biex dak kollu li aħna nagħmlu mal-Bambina nagħmluh ukoll ma’ uliedna, fis-sens li aħna nżommu l-għaqda fil-familja, l-għaqda fir-raħal.
U nitolbuha lill-Madonna li tħares liż-żgħażagħ tagħna għax inti tkun trid issegwihom bil-baldakkin fuq rashom ħalli ma jiġrilhom xejn, imma trid tagħtihom ukoll il-libertà jagħmlu l-għażliet tagħhom. Aħna nitolbu għalihom biex il-Mulej iħarishom mill-perikli tar-ruħ u tal-ġisem u meta tħarsu lejn il-Bambina għidulha: ‘Aħna għaminnilek mant sabiħ biex inħarsuk u nonorawk, kun int li tħares lill-ulied dan ir-raħal’.
Viva Marija Bambina!
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta