L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Is-silta tal-lum mill-Evanġelju ta’ San Luqa tfakkarna f’dak li hemm miktub fl-istess Evanġelju fil-kapitlu 2 meta Marija u Ġużeppi jieħdu lil Ġesù fit-tempju u Xmun lit-tarbija jsejjħilha: “Id-dawl tal-ġnus, glorja ta’ Israel” (Lq 2:32), is-salvazzjoni lil min qed jistenna, imma lil ommu jgħidilha: “Dan għad ikun sinjal li jmeruh biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija ta’ ħafna” (Lq 2: 35).
L-Evanġelju ta’ San Luqa jitkellem ukoll dwar dan il-konfront qawwi, vjolenti li kellu Ġesù mal-kapijiet, mal-għorrief tal-liġi, u mal-Fariżej li kienu l-esperti fil-liġi u jitkellem dwar ir-responsabbiltà li kellha l-ġenerazzjoni ta’ żmienu. Sfortunatament hu jissieħeb ma’ din il-lista ta’ profeti u appostli li l-Mulej jibgħat, anzi l-għerf ta’ Alla jibgħat, għaliex hu wkoll jispiċċa ppersegwitat u maqtul. Il-lista ma tiqafx ma’ Żakkarija, profeta maqtul, imma tkompli b’Ġwann il-Battista u mbagħad b’Ġesù stess.
Hemm ilment li ta’ min naħsbu fuqu. Ġesù jħares lejn l-għorrief tal-liġi, illum kieku ngħidulhom il-kanonisti biex ma ngħidux isqfijiet, u jgħidilna: “Intom ħtaftu l-muftieħ tal-għerf biex imbagħad intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min irid jidħol” (Lq 11:52).
Il-Papa Franġisku, biex jipprova jispjega dak li jgħid Ġesù, jieħu x-xbieha tad-dwana. Bir-rispett kollu jgħidilna lejn min irid ikollu jagħmel dax-xogħol, imma intom m’intomx ħaddiema tad-dwana. Tad-dwana jara x’għandek u jgħidlek li din tista’ tidħol u din le, inti tista’ tidħol, u inti le. Ħafna drabi l-Papa jilmenta li aħna nħarsu lejn il-liġijiet tal-Knisja, ir-regolamenti, bħala regolamenti tad-dwana: inti tista’ tidħol, inti ma tistax. U Ġesù jilmenta li aħna għandna l-muftieħ li la dħalna aħna u lanqas ħallejna ’l ħaddieħor jidħol. Jidħol fejn? Jidħol fil-mergħat li joffri l-Mulej li huma l-mergħat tal-grazzja u tal-ħniena tiegħu.
Meta aħna l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex irċevejna l-kelma tal-għażiż Papa Franġisku dwar is-sitwazzjonijiet diffiċli fil-ħajja miżżewġa u ppruvajna niftħu l-bieb u mhux nagħlquh, ġejna kkritikati, xi ħadd anke kkundannana għall-infern, għalkemm m’għandniex għaġla u lanqas irridu mmorru.
Inħarsu, pereżempju, lejn Santa Tereża ta’ Avila, li kienet persuna li ġabet riforma kbira fl-Ordni tal-Karmelu li tant kienet tħobb. Imbagħad il-Mulej inqeda biha biex tkun fundatriċi tal-Ordni tal-Karmelitani Skalzi. Kienet bniedma konkreta ħafna; kienet hi stess konxja kemm ma kinetx denja tal-vokazzjoni li kellha. F’kull kitba tagħha tgħid bla tlaqliq u bla mistħija kemm hi midinba u kemm għandha bżonn il-ħniena tal-Mulej. Imma Alla użaha.
Ngħidilkom biss li hemm ħafna episodji ħelwin ta’ Santa Tereża għaliex hi kienet bniedma ta’ kontemplazzjoni imma kellha tivvjaġġa ħafna biex twaqqaf diversi monasteri. Kellha tinnegozja biex tixtri l-artijiet u tissellef u tirranġa. Kienet tgħid li kważi saret mara tan-negozju biex tobdi lill-għarus tagħha Ġesù’. Darba minnhom kienet qed taqsam xmara bil-karozzella u nqalbitilha fl-ilma u bdiet tgerger ma’ Ġesù li qed tagħmel dax-xogħol kollu għalih u hu jistmaha hekk. Kienet diġà mara ta’ aktar minn 50 sena. Imma l-Mulej jgħidilha li kultant lill-ħbieb tiegħu hekk jitrattahom u hi wieġbet: “Mhux ta’ b’xejn m’għandekx ħafna mela!”. Id-djalogu ta’ Tereża ma’ Ġesù kien djalogu konkret ħafna.
Darba oħra riedet twaqqaf monasteru fil-belt ta’ Granada. Kienet ġurnata ta’ tempesta kbira u x’aktarx kellha wkoll magħha lil San Ġwann tas-Salib, saċerdot żagħżugħ li għażlitu biex ikun il-konfessur tagħha. Santa Tereża Kienet tgħid li għalkemm kien ħafna iżgħar minnha, mhux hi tgħallmu imma hu jgħallem lilha. Dak il-lejl, l-Isqof ta’ ta’ Granada ma riedx jilqagħha għandu u talbha biex tfittex post ieħor. Fost ix-xita u s-sajjetti, Santa Tereża u San Ġwann tas-Salib bdew ifittxu fejn joqogħdu. Ġara li waħda mis-sajjetti laqtet il-librerija tal-isqof u taħraqhielu. L-għada filgħodu bagħat ifittex għal Tereża biex jilqagħha fil-palazz tiegħu.
Ħafna mill-istejjer ta’ Santa Tereża jgħallmuna anke nkunu nies konkreti ma’ Ġesù. Ġesù jilqagħna u jużana. Tereża kienet mara ta’ kontemplazzjoni kbira, mara ta’ safa straordinajru, ta’ viżjoni straordinarja. Mhux ta’ b’xejn il-Papa Pawlu VI fl-1970 iddikjaraha duttur tal-Knisja ma’ Santa Katerina ta’ Siena.
Nitolbuha, u nitolbu wkoll għall-Ordni mwaqqaf minnha u għall-Knisja b’mod speċjali f’dan il-mument meta l-Papa Franġisku jixtieq li nirritornaw b’ħilitna kollha lejn l-għeruq tal-Evanġelju.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Efes 1, 1-10
Salm: 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4.5-6
Evanġelju: Lq 11, 47-54