L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li fl-Indja għad hemm Ġiżwita Malti, Patri Paul Aquilina li ta’ 93 sena għadu qed jagħti kontribut u servizz f’missjoni li jkompli jxandar fuq il-passi ta’ Ġesù l-bxara t-tajba mad-dinja kollha.
F’kumment esklussiv ma’ Newsbook Malta, Galea-Curmi rrakkonta li vvjaġġa sal-Indja biex ikun parti minn ċelebrazzjoni għal għeluq l-anniversarju ta’ 100 sena minn meta żewġ Ġiżwiti Maltin tal-Provinċja tal-Kumpanija ta’ Ġesù ta’ Sqallija marru lejn l-Indja biex iwasslu l-missjoni tagħhom bħala reliġjużi f’din l-art.
Spjega li sa Ottubru tal-1924, il-Maltin Patri Anton DeBono u l-istudent Bernard Bugeja, flimkien ma’ student Ġiżwita ieħor Sqalli Giuseppe Cordaro ħallew l-Ewropa biex marru lejn dan il-pajjiż enormi li jinsab madwar 6,356 kilometru ‘l bogħod mill-gżejjer Mediterranji.
Fakkar li Patri Anton li kien għadu ma jafx il-lingwa tal-post ġie assenjat f’Majlispur liema villaġġ jinsab ‘il fuq minn Kalkutta. Wara sena, Patri Benjamin Cauchi u aktar tard Patri Giuseppe Cordaro u Patri John Grech Cumbo ngħaqdu miegħu f’dawn il-villaġġi fejn minkejja li kien hemm mijiet ta’ Nsara, kien hemm ukoll numru sinifikanti ta’ Induisti u Musulmani.
B’daħka ta’ sodisfazzjoni, l-Isqof Awżiljarju qal li “ż-żerriegħa li nżergħet 100 sena ilu kibret f’realtà sabiħa, għax bis-saħħa tal-ħidma li bdiet mill-Ġiżwiti Maltin, illum hawn tliet djoċesijiet li żviluppaw flimkien mal-missjoni mat-tribu tas-Santani”.
Qal li f’quddies “twila imma sabiħa s-Sibt filgħodu kien hawn mal-20,000 ruħ. Ċelebrazzjoni li tmexxiet mill-Arċisqof ta’ Kalkutta flimkien ma’ 14-il isqof. Kienet ċelebrazzjoni sabiħa għax fiha intweriet gratitudni kbira ta’ dak li għamlu l-Ġiżwiti tul is-snin u iktar ta’ sodisfazzjoni li tisma’ li Malta għandha rabta kbira u partikolari għax ħafna mill-Ġiżwiti kienu Maltin”.
Galea Curmi qal li matul din iċ-ċelebrazzjoni kellu l-opportunità li jiltaqa’ ma’ Patri Aquilina ta’ 93 sena, hekk kif żied li kellu diskussjoni mill-isbaħ miegħu dwar il-ħidma li saret tul is-snin. “Fejn qiegħed residenti nista’ nara r-ritratti ta’ dawk il-Maltin kollha li taw kontribut, u li kienu ilhom hawn għal snin f’missjoni.”
Stqarr li fl-Indja jakkumpanjawh hemm ir-Rettur preżenti tal-Kulleġġ San Alwiġi Patri Jimmy Bartolo, li jaħdem ħafna fil-missjoni, flimkien ma’ Patri Cecil Azzopardi, Ġiżwita li għamel 42 sena jaħdem fl-Indja. “Patri Jimmy Bartolo jgħid li kienu 73 Ġiżwita Malti li ħadmu hawnhekk u taw kontribut f’dawn il-100 sena.”
Qal li kellu wkoll l-opportunità li jżur iċ-ċimiterju fejn hemm midfunin il-Ġiżwiti Maltin sabiex jagħtihom qima u jitlob bi gratitudni għal dak kollu li rrnexxielhom jagħmlu. “Litteralment taw ħajjithom kollha u spiċċaw mietu hawnhekk.”
Kompla li “anki li taħseb il-biċċa xogħol biex dawn il-Maltin waslu sal-Indja dak iż-żmien, id-diffikultà u s-sagrifiċċju – ma kellhomx mezzi imma dejjem taw prijorità li jħabbru l-Evanġelju u jagħtu l-edukazzjoni, jibnu sptarijiet u kliniċi għan-nies u jgħinuhom biex jikbru u jieħdu r-responsabbiltà fil-ħajja tagħhom”.
Stqarr li l-gratitudni qiegħda wkoll fil-komunità preżenti “għaliex wiċċhom jixgħel meta tgħidilhom li inti Malti u minn Malta”.
L-Isqof Galea-Curmi qal li x-xewqa tiegħu hi li “dak li nbena jkompli jiżviluppa bħalma żviluppa f’dawn l aħħar snin, sabiex ikompli jħalli ħafna frott”.
Irringrazzja wkoll il-kontribut tal-Ambaxxatur tal-Malta fl-Indja Reuben Gauci li “qed jagħmel l-għalmu tiegħu fl-Indja.”
vL-Isqof qal li sa kemm ilu hemmhekk kellu l-opportunità li jmur fil-kunvent tas-sorijiet tal-karità li bdew f’Bergamo l-Italja, “u li għandhom Maltija magħhom Emmanuela Borg minn Birkirkara li ilha hemmhekk mas-60 sena u ħadmet ħafna fl-edukazzjoni”.
Sors: Newsbook Malta