L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Tmint ijiem wara l-Milied infakkru dak li l-ġenituri ta’ Ġesù għamlu mat-tifel bħala tifel Lhudi: fit-tmien jum ippreżżentawh għaċ-ċirkonċiżjoni, għall-ħtin, u formalment ingħata l-isem magħżul għalih.
L-isem iddikjarah Ġużeppi u kkonfermatu Marija. Imma aħna nafu li fl-Evanġelju ta’ San Luqa (Lq 1:31), lil Marja l-anġlu jgħidilha: “U int issemmih Ġesù”. Fl-Evanġelju ta’ San Mattew, fil-ħolma, l-anġlu lil Ġużeppi jgħidlu li “hi jkollha tifel u inti ssemmih Ġesù” (Mt 1:21). It-tradizzjoni qawwija ħafna li l-isem ta’ Ġesù huwa magħżul minn Alla biex ikun ukoll programmatiku, turina l-missjoni ta’ dan it-tifel għaliex isem Ġesù jfisser ‘Alla jsalva’.
Permezz tal-isem magħżul għalih, dan it-tifel isir parti integrali mill-poplu ta’ Iżrael, mill-poplu ta’ Alla, mill-wild ta’ Abram, u jingħata wkoll il-missjoni li jkun salvatur. Fl-Evanġelju li qrajna dalgħodu—waqt li ċċelebrajna l-festa tal-Familja Mqaddsa u mill-Evanġelju ta’ San Luqa qrajna dwar l-avveniment tal-preżentazzjoni tat-tifel fit-tempju ta’ Ġerusalemm wara 40 jum, smajna lil Xmun jgħid lil ommu: “Dan għad ikun sinjal li jmeruh” (Lq 2:34).
Aħna u ntemmu s-sena 2023 irridu, l-ewwel nett irridu nirringrazzjaw lil Alla ta’ dak kollu li sar u li għamel permezz tagħna u li fih aħna lqajna l-proposta tiegħu ta’ mħabba, ta’ ħniena u ta’ mogħdrija. Imma huwa wkoll il-mument li nitolbu maħfra ta’ kemm-il darba, fostna, tfejna l-umanità tagħna, dan is-sinjal ta’ mħabba, ta’ ħajja, ta’ ħniena, aħna merejnieh u ċħadnieh.
Illum qed infakkru l-mument meta din it-tarbija ta’ Marija, Omm Alla, issir parti integrali mill-poplu ta’ Iżrael. Qed intemmu sena li fiha l-poplu li jippretendi li huwa l-eredi ta’ din it-tradizzjoni ta’ ħniena u ta’ kompassjoni qed imeri din il-vokazzjoni. Aħna spettaturi ta’ diżastru totali ta’ umanità, spettaklu ta’ kefrija inawdita li s’issa ħalliet 20,000 vittma, b’aktar minn 8,000 minnhom huma tfal innoċenti. Ma rridux ninsew ukoll l-ostaġġi ta’ Iżrael. L-ebda mewt ma tiġġustifika l-ħruxija li qegħdin naraw!
Aħna u niċċelebraw li l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem għażel li jkun wild ta’ Iżrael u parti mill-poplu ta’ Iżrael, li jkun Lhudi mwieled minn mara Lhudija, li għażel lil-Lhudi Ġużeppi biex ikun il-missier tiegħu fuq din l-art. Aħna u naqraw il-barka li l-Mulej joffri lil Mosè permezz ta’ Aaron lil ulied Iżrael, nitolbu din il-barka mhux biss fuq Iżrael, imma nitolbu lil Alla li kapaċi jrattab il-qlub, imma nitolbuha wkoll fuq kull wieħed u waħda minna.
“Ibierkek il-Mulej u jħarsek!” (Num 6: 24). Mhumiex il-bombi, il-kefrija, il-ħruxija li se tħarsek O Iżrael, imma l-barka tal-Mulej li tgħallmek il-għerf, il-mogħdrija, id-dehen u l-kumpassjoni. “Jixħed il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek u jurik il-ħniena!” (Num 6: 25). Il-Mulej jurik il-ħniena, jgħallmek tużaha ma’ ħaddieħor. Ġustizzja iva, vendetta qatt. Dak li jfisser li l-Mulej jurina l-ħniena, jgħallimhielna u jużaha magħna biex aħna nkunu nistgħu nużawha ma’ ħaddieħor. “Iħares lejk il-Mulej b’imħabba u jagħtik is-sliem” (Num 6:26).
Aħna u nirrepetu din il-barka, nifhmu li l-barkiet li noffru lil xulxin mhumiex frott tal-merti ta’ min jitlob il-barka. Il-barka mhijiex xi prizeday. Il-barka ma tfissirx li min jitlobha huwa perfett. Kemm hu sabiħ ir-responsorju li tlabna llum: “Iħenn għalik Alla u jbierkek, iħenn għalina Alla u jberikna” (S 67:1). Kultant niskandalizzaw ruħna għax il-Knisja toffri l-barkiet tagħha fuq kulħadd, hu min hu. Aħna min aħna aħna biex ngħidu min jista’ jilqa’ barka u min ma jistax?
Għalhekk, nitolbu barka speċjali fuq il-poplu ta’ Iżrael hekk kif illum qed niċċelebraw il-fatt li l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem għażel li jkun wild ta’ Iżrael u parti mill-poplu ta’ Iżrael, li jkun Lhudi mwieled minn mara Lhudija u għażel lil-Lhudi Ġużeppi biex ikun il-missier tiegħu fuq din l-art. Aħna u naqraw il-barka li l-Mulej joffri lil Mosè permezz ta’ Aaron lil ulied Iżrael, nitolbu din il-barka mhux biss fuq Iżrael, imma nitolbu lil Alla li kapaċi jrattab il-qlub, imma nitolbuha wkoll fuq kull wieħed u waħda minna.
Fi tmiem ta’ din is-sena u fuq l-għatba ta’ sena ġdida nitlob il-barka speċjali fuq pajjiżna hu u jibda jiċċelebra 60 anniversarju mill-indipendenza u 50 anniversarju mir-repubblika. Il-barka li qed noffri hija dik li talab Dun Karm fl-Innu Malti. Il-Mulej iberikna bid-dehen, bil-ħniena, bis-saħħa, bil-għaqda u bis-sliem. Huma ħames barkiet hi jassiguraw il-kwalità tal-ħajja u soċjali tagħna. Dawn huma barkiet minn Alla li juruna tassew it-triq tal-ħniena.
Fil-festa tal-maternità tagħha, inħarsu lejn Omm Alla u nitolbuha li fejn il-qalb iebsa tagħna ma tasalx, tasal hi bil-ħarsa ħanina tagħha ta’ omm li tħobb u li permezz tagħha aħna rċevejna l-ħajja. Din hi l-istess talba sabiħa li talbna llum fil-bidu tal-quddiesa. Permezz tagħha aħna rċevejna l-ħajja, ’l Ġesù Kristu stess. Jalla dan is-sinjal sabiħ ta’ maternità u ta’ ħajja ma mmeruhx u ma niċħduhx imma ngħożżuh.
I would like to greet our English-speaking friends on the solemn start of the feast of Our Lady Mother of God as we conclude 2023 and begin a new year.
We read a beautiful passage proclaiming the blessing of Aaron upon the people of Israel. As we witness a tragic war marked by violence and hatred in the Holy Land, let us pray that the Lord’s blessing on Israel brings peace, justice instead of vengeance, and harmony instead of vindictive violence.
On our Maltese Islands, as we prepare to celebrate the 60th year of our independence and the 50th year of the proclamation of the republic, I pray for the blessings of our national anthem—blessings of wisdom, mercy, health, and the pursuit of peace and unity. We invoke the intercession of Our Lady, that through her divine motherhood, we may comprehend the need to receive the blessing of mercy, allowing us to share the blessings of peace, understanding, and compassion.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta