F’dawn il-jiem qed ssir f’Malta “Il-Laqgħa Studenti Ewropej” tal-Ordni Karmelitan Tereżjan fis-Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù. Din il-laqgħa bdiet nhar is-Sibt, 28 ta’ Awwissu, u tintemm għada l-Hamis, 2 ta’ Settembru, 2010.
Qegħdin jiltaqgħu mal-85 parteċipant, bejn studenti u s-surmastrijiet tagħhom. It-tema għal din il-laqgħa hija Sollicitudo omnium ecclesiarum (2 Kor 11, 28), għax trid tistħarreġ l-Evanġelizzazzjoni fl-Ewropa mill-Karmelu, fl-ispirtu ta’ San Pawl.
Matul din il-laqgħa li tintemm għada se jindirizza lill-istudenti wkoll is-Superjur Ġenerali tal-Ordni Karmelitan Tereżjan, Patri Saverio Cannistrà, dwar x’qiegħed iwettaq l-Ordni Karmelitan Tereżjan favur l-evanġelizzazzjoni ġdida fl-Ewropa.
L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. mexxa l-laqgħa ta’ talb u ndirizza lil dawn l-istudenti Tereżjani Ewropej, nhar il-Hadd 29 ta’ Awwissu.
Patri Sandro Vella, biblista Karmelitan, mexxa Lectio divina mill-Atti tal-Appostli dwar San Pawl f’Malta. Patri J(H)osé Arcesio Escobar Tereżjan mill-Kolombja ta l-esperjenza tiegħu ta’ ħajja Nisranija qawwija ma’ orfni, ma’ persuni b’diżabbiltà u ma’ anzjani. Mons. Isqof Adeodato Micallef irrakkonta l-esperjenzi tiegħu mal-Misilmin fil-Kuwajt. Il-professur Patri Joseph Prasad, Tereżjan li jaħdem fl-Isvizzera, fisser kif qiegħed iwassal l-Evanġelju lin-nies minn kulturi u reliġjonijiet differenti.
Matul il-ġranet tagħhom f’Malta, il-partiċipanti qed jittieħdu jżuru postijiet ewlenin marbuta mal-miġja ta’ San Pawl f’pajjiżna.