Nhar il-Ħamis 5 ta’ Lulju 2012 saret Lejla ta’ Solidarjeta’ f’San Blas fl-okkażjoni tal-gradwazzjoni ta’ 22 żagħżugħ li temmew b’suċċess il-programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga mmexxi minn Caritas Malta.
Monsinjur Victor Grech, id-direttur ta’ Caritas Malta qal li din l-okkażjoni iġġib ferħ imma wkoll riflessjoni profonda: “L-akbar weġgħa tiegħi hija illi għal bosta żgħażagħ il-konsum tad-droga u alkoħol saru jiffurmaw parti mhux żgħira mill-kultura tal-isfog mingħajr rażan, speċjalment fil-weekends. Din hija l-kultura ta’ aljenazzjoni u l-ħarba mir-realtà. Hawn min qed jieħu trip u ma jirritornax lura minnu.”
Mons. Victor Grech irrakomanda wkoll illi: “Ejjew innisslu fit-tfal minn ċkunithom fil-familja u fl-iskejjel il-kultura tal-ħajja. Jiena nemmen illi ħafna żgħażagħ mhumiex ħżiena, iżda mhumiex jagħrfu biżżejjed it-tajjeb, is-sewwa u s-sabiħ tal-ħajja. L-imħabba tinbet u tespandi fil-familja bħal ħafna valuri oħra umani u soċjali. Nipproteġu u nsaħħu r-riżors taż-żwieġ stabbli u familja magħquda b’politika illi tiffavorixxi u tipproteġi l-ħajja u l-iżvilupp sħiħ tal-persuna umana u s-saħħa u l-manteniment tal-familja. L-ebda familja m’għandha tkun imċaħħda mill-ħtiġijiet u s-servizzi essenzjali tal-ħajja.Biex jinżammu u jiżviluppaw is-servizzi ta’ dawn iċ-Ċentri ta’ Kura u Rijabilitazzjoni f’pajjiżna iridu jiżdiedu l-fondi. Qed ngħid dan għaliex ma nixtieqx illi jasal iż-żmien illi fih ikollhom jingħalqu xi Ċentri jew Djar ta’ Kura minħabba nuqqas ta’ mezzi finanzjarji. L-espansjoni u l-update tas-servizzi tat-trattament u kura, kif ukoll it-taħriġ tal-Istaff, jitolbu flejjes kbar. Nitlob illi dak li nbena u żviluppa mill-1977 sallum fl-oqsma tas-servizzi soċjali u ta’ karità tal-Caritas ma jitbiegħedx mill-ispirazzjoni evanġelika oriġinali, illi: “Dak li tagħmlu ma’ l-iċken fost ħuti, tkunu qegħdin tagħmluh lili” (Matt. 25). Il-mira għandha tibqa’ r-rispett, l-mħabba u l-qadi ta’ kull persuna umana xbieha t’Alla.”
Għall-okkażjoni attendew diversi persuni distinti fosthom il-President ta’ Malta, Dr George Abela, il-Prim Ministru, Dr Lawrence Gonzi u l-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Joseph Muscat.
Photos: DOI – Omar Camilleri