Il-Papa Franġisku, nhar il-Ħadd 10 ta’ Ottubru 2021, se jniedi l-mixja sinodali lejn is-Sinodu tal-Isqfijiet li se jsir fl-2023, bit-tema: “Lejn Knisja Sinodali – Komunjoni, Parteċipazzjoni, u Missjoni”.
Il-Papa qed jistieden lil kull djoċesi biex tipparteċipa f’dan il-proċess ta’ tħejjija, u tagħti bidu għal dan nhar il-Ħadd 17 ta’ Ottubru 2021. Għalhekk, dakinhar, Mons. Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra quddiesa fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa fil-bidu ta’ dan il-proċess min-naħa tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Din il-quddiesa se tixxandar fuq TVM u fuq il-media soċjali tal-Knisja f’Malta.
L-enfasi partikulari f’din il-fażi ta’ preparazzjoni – Knisja li tisma’ – hija sewwasew dak li aħna, bħala Knisja f’Malta, qed nagħmlu din is-sena fil-proċess ta’ tiġdid ekkeżjali Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed. Bil-quddiesa li se ssir fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, aħna rridu nafdaw l-impenn u l-ħidma ta’ tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet f’idejn Ommna Marija, biex tħarisna u tgħinna ħalli bħalha nkunu nies ta’ smigħ – nisimgħu lil Alla, lill-oħrajn u lil dak li l-Ispirtu ta’ Alla qed jgħidilna fil-ġrajjiet tal-lum.
Bħala parti minn dan il-proċess b’enfasi fuq is-smigħ, se jkun hemm ukoll laqgħa online, organizzata mill-Kummissjoni ta’ Koordinament ta’ Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed, nhar il-Ħamis 14 ta’ Ottubru, bejn is-6:30pm u t-8:00pm li għaliha intom ilkoll mistednin.
Agħfas hawn biex aqra d-dokument preparatorju għas-Sinodu tal-Isqfijiet, maħruġ mis-Segreterija tas-Sinodu, li għandu jservi ta’ għajnuna għal din il-mixja sinodali.