Waqt waħda mill-omeliji li għamel Papa Franġisku fil-quddies ta’ filgħodu fil-kappella tar-residenza tiegħu, huwa qal li jekk il-ħajja tat-talb ta’ xi ħadd hi tad-dwejjaq, ikun sinjal li l-individwu hu wisq iffukat fuqu nnifsu milli fuq Ġesu u l-ħtiġijiet tal-proxxmu. Fi kliemu, “talb veru jwassalna ninqatgħu minn nfusna u ningħaqdu ma’ Alla permezz ta’ Ġesu Kristu”.
Għall-quddiesa kienu preżenti l-uffiċjali tal-Pulizija fil-Vatikan u l-ġurnalisti Arġentini li jaħdmu f’Ruma. Papa Franġisku tkellem dwar żewġ forom ta’ esodu – wieħed lejn il-ġrieħi ta’ Ġesu, u l-ieħor lejn il-ġrieħi tal-proxxmu. Il-Papa qal li din hi t-triq li Ġesu jixtieq li naqbdu bit-talb tagħna.Kompla li “bit-tlugħ tiegħu fis-sema wara l-mewt u l-qawmien, Ġesu mar għand il-Missier u ħalla l-bieb miftuħ – mhux għax insieh, imma għax hu nnifsu huwa l-bieb” li minnu lkoll irridu ngħaddu biex naslu għand Alla l-Missier.