•  

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Bażilika Minuri ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, il-Mosta
    29 ta’ Lulju 2018

    “Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud” (Ġw 6:4). Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann insibu tliet ċelebrazzjonijiet tal-Għid. Kull sena fit-tliet snin tal-ministeru pubbliku ta’ Ġesù, hija mmarkata fl-Evanġelju ta’ San Ġwann mill-festa tal-Għid. San Ġwann, li qed jikteb għall-komunità li m’għadhiex biss Lhudija, jgħid: “L-Għid, il-festa tal-Lhud”.

    Għalina l-kelma ‘Għid’ fiha nfisha tfisser festa; tant hu hekk li aħna l-Għid ngħidulu l-Għid il-Kbir u bir-raġun, għaliex l-Għid il-Kbir jimmarka l-eżistenza tagħna bħala Nsara. Fl-Għid niċċelebraw il-mewt ta’ Ġesù għalina u l-qawmien tiegħu mill-imwiet għalina. Fl-Għid niċċelebraw il-magħmudija tagħna; niftakru li aħna tgħammidna fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Fl-Għid inġeddu l-fatt li aħna Nsara, kelma oħra għażiża fil-lingwa tagħna għaliex aħna poplu—nistgħu ngħidulu uniku fid-dinja semitika imma mhux biss—li nsejħu lilna nfusna mir-raħal fejn trabba Ġesù, Ġesù ta’ Nazaret. Aħna nsejħu lilna nfusna ‘Nazarene’, Insara. U din il-ħaġa tfakkarna li fuq is-salib Ġesù kellu dan l-isem: Ġesù ta’ Nazaret, is-Sultan tal-Lhud (ara Ġw 19:19).

    U fl-Evanġelju tal-lum, malli Ġesù jinduna li l-poplu għandu żaqqu mimlija, imxebba’ u komdu wara li kiel, kiel bix-xegħba għax baqa’ wkoll, “ried jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan” (Ġw 6: 15), hu jinħeba, jaħrab għaliex ma ġiex biex ikun sultan ta’ din id-dinja imma fl-istess ħin il-kundanna tiegħu, li kienet il-kelma ta’ ħelsien għalina, irrikonoxxitu, għarfitu bħala sultan: Ġesù ta’ Nazaret, is-Sultan tal-Lhud.     


    Il-ħobż li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem

    Min ifittex jifhem lil Ġesù u lil Knisja tiegħu, bi kriterji tan-nies tad-dinja, jitfixkel, għaliex il-Knisja li waqqaf Ġesù Kristu u l-kelma tiegħu jmorru ’l hemm

    U kif tgħallimna l-laqgħa tiegħu ma’ Pilatu, is-saltna tiegħu mhijiex ta’ din id-dinja. Min ifittex jifhem lil Ġesù u lil Knisja tiegħu, bi kriterji bħall-politika tan-nies tad-dinja, jitfixkel, għaliex il-Knisja li waqqaf Ġesù Kristu u l-kelma tiegħu jmorru ’l hemm, jagħtuh gwida imma ma jfixklukx li tagħmel id-deċiżjonijiet tiegħek. Meta riedu jagħmluh sultan ta’ din id-dinja, il-Mulej ħarab, inħeba, imma rritorna biex jispjegalhom li s-sinjal li kien għamel kellu tifsira vera, li hu seta’ jwassalhom għall-ħobż li jmur lil hemm minn din id-dinja, li hu kien daqs il-profeta Eliżew u iżjed, daqs Mosè u iżjed. Il-ħobż li ried jagħtihom kien il-ħobż li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem. U s-saltna li ried iwaqqaf u li għaliha għallimna nitolbu “tiġi saltnatek”, kienet saltna lil hemm mill-eżistenza ta’ din id-dinja imma kienet twasal għall-ħajja ta’ dejjem. 

    Il-Mulej ma jistax jagħmel dan mingħajr l-offerta tagħna. “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar” (Ġw 6:9). Hawn tfajjel li għandu offerta ċkejkna bħalma kienet offerta ċkejkna l-offerta tal-armla, bħalma kienet offerta umli l-offerta tal-ġenituri tiegħu fil-preżentazzjoni fit-tempju meta, għax kienu fqar, m’offrewx ħaruf imma offrew par gamiem, l-offerta tal-fqar. Imma din l-offerta ċkejkna x’inhi għal daqshekk nies? “Qegħdu n-nies bilqiegħda” (Ġw 6:10). Ġesù ma jaħlix ħafna żmien fi djalogi inutli, imma jiġi għall-konkret. “Ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried” (Ġw 6:11). Dik kienet l-ikla li ħejja s-sultan imma mhux sultan ta’ din id-dinja,  sultan li jagħraf il-bżonn tan-nies imma ma jagħtihomx biss il-ħobż ta’ din l-art imma jagħtihom il-kelma li twassalhom għall-ħajja ta’ dejjem.


    Inkunu sinjal ħaj tas-saltna ta’ Alla

    Huwa l-basileus ta’ vera, huwa r-re ta’ vera u jgħammar fit-tempju tiegħu li hi l-Knisja li għax hija dar tal-basileus, tar-re, hija wkoll bażilika. Il-kelma ‘bażilika’ hija propju d-dar tar-re. Imma rridu nifhmu li r-re li jgħammar f’din id-dar mhuwiex re ta’ din id-dinja imma huwa r-re tar-rejiet. U s-sinjal li jingħata lil din il-knisja għażiża mhuwiex sinjal għall-fanfarunati ta’ din id-dinja u għall-piki ta’ din id-dinja.

    Ingħatat dan it-titlu għaliex hi msejħa għal responsabbiltà kbira, għaliex li inti tkun bażilika minuri mhijiex biss kwistjoni tal-umbrellun u t-tintinnablu.

    Il-Mostin diġà għandhom żaqqhom mimlija b’din il-knisja, m’hemmx spazju iżjed. Ingħatat dan it-titlu għaliex hi msejħa għal responsabbiltà kbira, għaliex li inti tkun bażilika minuri mhijiex biss kwistjoni tal-umbrellun u t-tintinnablu. Ir-responsabbiltà x’inhi? Li nkunu sinjal ħaj tas-saltna ta’ Alla, li aħna nkunu sinjal ħaj ta’ xi tfisser verament li tkun Nisrani, Nisrani ta’ veru, li meta titlob il-Missierna u titlob biex isseħħ u tiġi s-saltna ta’ Alla, (“tiġi saltnatek”), inti tħoss dak l-impenn: li ħajtek trid tkun dak il-proċess ċkejken, dik l-offerta żgħira li se tibni s-saltna. Fuq kollox is-sejħa ta’ dan it-tempju li tkun bażilika minuri fil-pontifikat tal-Papa Franġisku u bir-rieda tal-Papa Franġisku, ma jfissirx li niksu l-ħitan bid-deheb imma li jkollna qalbna tad-deheb. Żgur inferrħu qalb il-Papa Franġisku jekk aħna ngħidulu: ‘Grazzi, għażiż Missierna fi Kristu ta’ din id-dinjità li biha żejjint it-tempju għażiż tagħna. Nassigurawk li se nieħdu ħsieb it-tempju ta’ Kristu li huma l-foqra; it-tempju ta’ Kristu li huma l-morda; it-tempju ta’ Kristu li huma wliedna t-tfal u ż-żgħażagħ; u t-tempju ta’ Kristu li huma l-familji tagħna’. Dan għandu jkun il-messaġġ ta’ gratitudni  li għandna nibagħtu b’ħajjitna lill-Papa Franġisku għaliex li tkun bażilika minuri tfisser ukoll rabta speċjali mal-Papa, rabta speċjali ma’ dak li hu msejjaħ minn Kristu biex ikun il-qaddej tal-qaddejja ta’ Alla.    

    Għalhekk, fil-festi li jfakkru lil Pietru fil-bażiliċi minuri, ikun hemm ċelebrazzjoni sabiħa: fit-22 ta’ Frar fl-anniversarju tal-elezzjoni tal-Papa, fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl, kif ukoll fil-31 ta’ Mejju li nzertat festa tal-Madonna, il-festa tal-Viżitazzjoni, li hija wkoll id-data magħżula minn Ruma għad-digriet ta’ din il-bażilika minuri.                                             

    Illum il-Knisja tagħti lil kull wieħed u waħda minna l-indulġenza plenarja fil-jum meta jitħabbar id-digriet tal-bażilika minuri. Matul is-sena fl-anniversarju tal-lum tingħata wkoll din l-indulġenza plenarja u l-Mostin għandhom ukoll il-privileġġ li jagħżlu ġurnata matul is-sena, forsi l- anniversarju tat-tieġ jew l-anniversarju tal-magħmudija, biex huma jaqilgħu l-ħelsien tat-tpattija kollha ta’ dnubiethom, għax din hi l-indulġenza plenarja. Il-Mulej illum irid ikun għani fil-ħniena billi lil kull wieħed u waħda minna jeħlisna mit-tpattija kollha ta’ dnubietna. Id-dnubiet jinħafru bil-qrar imma bl-interċessjoni tal-qaddisin, b’mod speċjali ta’ Santa Marija u l-qaddisin kollha ħbieb tagħna fis-sema, il-Mulej ukoll jeħlisna bil-qawwa tal-Knisja tiegħu mit-tpattija kollha ta’ dnubietna.

    Il-Mulej ma riedx ikun sultan ta’ din id-dinja u s-sinjal mogħti lilna mill-Papa Franġisku llum huwa li hawnhekk irridu nkunu tassew inħossuna lkoll at home, aħna min aħna, naħsbu x’naħsbu, kultant ukoll ngħidu x’ngħidu, għax din il-bażilika mhijiex bażilika tad-dinja imma sejħa għas-saltna ta’ Alla li jħaddan lil kulħadd, lil kulħadd! U x-xhieda sabiħa li qed tagħtu intom, għeżież Mostin, hija li toffru dan it-tempju li bir-raġun intom kburin bih, bħala sinjal għad-dinja biex il-basilea, is-saltna ta’ Alla sseħħ fil-qlub tagħna u fis-soċjetà tagħna.

    Agħmel, Mulej, li fostna tiġi saltnatek.      

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

     

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: 2 Slat 4, 42-44
    Salm: 144
    Qari II: Efes 4,1-6
    Evanġelju: Ġw 6, 1-15

     

  •  

  • Ritratti: Knisja.mt/ritratti