Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija MUSEUM ippubblikat il-ktieb Life in Tandem: Keeping up with Grace ta’ Prof. Edward G. Farrugia SJ, maħruġ minn Pubblikazzjonijiet Preca. Il-ktieb fih esperjenzi u riflessjonijiet tal-awtur dwar San Ġorġ Preca u jinsab għall-bejgħ minn Librerija Preca għall-prezz ta’ €10.
Riċensjoni minn Patri Paul Chetcuti sj
Jiena u naqra l-ktieb ta’ Patri Edward ħassejtni msaħħar bħallikieku qed nara wirja ta’ logħob tan-nar ta’ festa Maltija. Għadd hekk kbir ta’ intuwizzjonijiet profondi, ġrajjiet li jirrakkuntaw ħafna, riflessjonijiet teoloġiċi u patristiċi waħda isbaħ mill-oħra, f’armonija ta’ dwal u lwien. Kull splużjoni bħal murtal tal-ftuħ, hi parti unika iżda integrali minn spettaklu wieħed kbir – ix-xogħol ta’ mgħallem tas-sengħa moħbi, li jdaħħlek f’esperjenza glorjuża tas-sema.
F’din il-ġabra ta’ artikli u kitbiet, Patri Edward jirnexxilu joħroġ id-dija ta’ jdejn Alla jaħdmu fin-natura fqira u sempliċi ta’ Dun Ġorġ. Bħal kull kapolavur li ġej minn idejn l-Imgħallem Divin, l-awtur juri kif Dun Ġorġ kien akbar minn sempliċiment il-ġrajjiet ta’ ħajtu. Ix-xhieda ta’ ħajtu, aktar minn kliemu, xandret l-Aħbar it-Tajba, l-akbar Paradoss, lill-foqra u lin-nies sempliċi: il-Kelma ta’ Alla saret laħam uman – Verbum Dei Caro Factum Est. Dan kien il-motto li addotta Dun Ġorġ għall-att rivoluzzjonarju tiegħu ta’ fiduċja fil-missjoni tal-lajċi fil-Knisja biex ixandar il-Bxara t-Tajba lill-foqra.
Patri Edward jibni ritratt profond u penetranti ta’ Dun Ġorġ u l-istorja tiegħu ta’ mħabba b’dan il-paradoss fundamentali tal-inkarnazzjoni ta’ Alla f’Ġesù – Alla veru u bniedem veru – u allura s-Salvatur veru u uniku tal-bnedmin. Hu l-għajn tal-ħajja – Alla li jimxi pass pass, in tandem, mal-umanità, ‘keeping pace with his Grace’.
Bħal-logħob tan-nar tal-festa tradizzjonali Maltija, il-kuluri jixegħlu tal-fidi Maltija u s-solidità tradizzjonali jingħaqdu flimkien fi ġrajjiet personali, l-għarfien, il-paradossi spiritwali, pastorali u duttrinali tal-ġgant fraġli u umli li kien Dun Ġorġ. Il-kariżma kreattiva, sempliċi u profonda tiegħu hi għajn ta’ dinamiżmu li jisfida u jagħti l-ħajja – il-frott ta’ ġenju pastorali u spiritwali oriġinali.
Il-ħajja kollha ta’ Dun Ġorġ, kif kien jitlob u jgħallem, kien mod armonjuż u kreattiv kif iġib flimkien karatteristiċi li jidhru li huma kontra xulxin. Dun Ġorġ kien jidher “xott u ta’ ftit kliem”, strett u skrupluż, aħrax u esiġenti. B’danakollu waqqaf soċjetà li kienet kapaċi tagħti duttrina soda lit-tfal waqt li jilagħbu l-futbol, jgħumu, jiddevertu fil-beraħ u dik li jien insejjaħ ‘sacred playfulness’ –logħob qaddis. Iċ-ċentri ta’ tagħlim tiegħu saru “ċentri ta’ enerġija spiritwali”, kif isejħilhom Patri Edward.
Fil-ktieb l-awtur joħroġ b’qawwa u b’mod fin tant paradossi oħra li jagħmlu minn Dun Ġorġ bniedem ta’ Alla tassew u bniedem tad-dinja ta’ żmienu. Il-fiduċja oriġinali u xokkanti tiegħu f’lajċi sempliċi, bla edukazzjoni jew kważi, kienet xi ħaġa ġdida għall-aħħar fiż-żmien ta’ qabel il-Konċilju Vatikan II, li kellu japprova u jippromwovi s-sejħa appostolika tal-lajċi fil-Knisja klerikalizzata ta’ qabel il-Konċilju. Il-biża’ u l-ossessjoni apparenti tiegħu b’dawk li kienu jissejħu ‘novissmi’, jiġifieri r-realtajiet aħħarija tal-mewt, il-ġudizzju, l-infern u l-ġenna – ħallew impatt drammatiku u trawmatiku qawwi fl-udjenzi kbar tiegħu. B’danakollu, in-nies sempliċi kienet toqgħod tisimgħu għal sigħat sħaħ fis-‘Sajdiet’, il-prietki li kien jagħmel fil-pjazez, imsaħħra bis-serenità ġewwinija u l-preżenza tal-ħniena mimlija mħabba ta’ Alla mwassla minn bniedem b’qalbu ankrata f’Alla. Dun Ġorġ kien tassew ‘iblah’ għal Kristu. Madankollu hu kellu l-għerf li l-boloh għal Kristu biss jistgħu jiksbu.
Dawn huma biss referenzi żgħar għal dik li jien insejjaħ ‘il-kumplessità sempliċi’ u s-‘sempliċità kumplessa’ ta’ min jaċċetta li jimxi wara Kristu b’fedeltà, bis-serjetà u b’qalbu kollha, kif għamel Dun Ġorġ. L-awtur tal-ktieb jenfasizza kemm kienet aktar relevanti u tfisser aktar milli simbolika l-viżjoni fundamentali li Dun Ġorġ kellu fi triq is-Salib tal-Marsa, meta Ġesù tfajjel talbu l-għajnuna biex jimbotta karretta mimlija demel. Simbolu paradossali ieħor – id-demel – li jirrappreżenta dak li d-dinja tittratta bħala skart li jintrema, isir l-għajn prezzjuża ta’ ħajja ġdida u abbundanti f’Alla.
Dan il-ġgant umli u qaddis kien imsejjaħ biex jissallab f’salib it-toroq ta’ dawk kollha li huma msejħin jimxu wara Ġesù biex ikunu xhieda tiegħu għad-dinja. Il-ħajja hi tabilħaqq ‘in tandem’ jekk wieħed irid jgħixha b’mod sħiħ. Ma tistax tirċievi l-ħajja jekk ma tagħtihiex. Ma tistax issibha jekk ma titlifhiex għal Kristu. Ma tistax tkun vera ħajja jekk ma tmutx.
Hekk kif il-qarrej jimxi ‘l quddiem f’din is-sensiela ta’ riflessjonijiet profondi u studjati iżda sempliċi ta’ Patri Edward, is-sbuħija u l-bilanċ ta’ sejħiet qodma u ġodda, tradizzjonali u progressivi, lajċi u klerikali fi ħdan il-Knisja, modi infantili u adulti ta’ kif wieħed isegwi lil Ġesù, ilkoll juru min hu dan Alla li ħa ġisem ta’ bniedem biex fl-Ispirtu Tiegħu jagħmilna ħutu.
Hi avventura mill-aktar eċitanti u esiġenti li timxi fuq il-passi ta’ dan is-saċerdot Malti sempliċi. Bil-mod tipiku u tradizzjonali Malti, hu sempliċiment mexa l-mixja, bla pretensjonijiet. L-uniku għan tiegħu kien sempliċiment li jwassal lil Ġesù li dawk li, bħat-tfal żgħar, huma safja f’qalbhom u f’ruħhom.
Dun Ġorġ, jibqa’ llum iktar minn qatt qabel, xempju ta’ ispirazzjoni u qawwa, flimkien ma’ tant segwaċi tiegħu “tal-Mużew”, biex niffaċċjaw b’kuraġġ il-paradossi li qed jiffaċċja llum l-għażiż pajjiżna u biex bla biża’ nagħmlu l-għażliet it-tajba.
Illum aħna wkoll nistgħu nimxu fuq il-passi ta’ Dun Ġorġ, ‘Keeping Pace with Grace’, kif jissuġġerixxi l-isem tal-ktieb. Illum ukoll, jekk bħalu nilbsu żarbun b’saħħtu, mingħajr ma naħlu ħin nibblakkawh biex nidhru sbieħ, kull pass iwassalna, miegħu, eqreb lejn it-tfajjel Ġesù, ħerqan li llum ukoll jerġa’ jitwieled minn ġo fina.